•  
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Familja Mqaddsa, il-Bidnija

    23 ta’ Ottubru 2017

    “Xejn la tibżgħu” (Lq 12, 7), do not be afraid, non avere paura. Dan huwa l-messaġġ ta’ Ġesù li jien nixtieq ngħaddi bħala r-ragħaj spiritwali ta’ Malta lill-poplu Malti kollu: “La tibżgħux”. Min qatel bħal dan il-ħin ġimgħa ilu ried ibbeżżagħna u jitterrorizzana. Ma nafux min hu. Jalla l-ġustizzja tal-bnedmin twasslu għall-ġustizzja. Alla jafu u l-ġustizzja t’Alla li hija vera, għandha l-mumenti tagħha.

    “Xejn la tibżgħu intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew” imma jekk aħna ma nistgħux nibżgħu, it-tagħlima li rridu nieħdu wkoll illum hija li għandna nibżgħu għal xulxin.

    Irridu noħolqu kultura li kull min jaħdem fis-soċjetà, jaħdem għall-ġid komuni mhux għal interessi personali tiegħu.

    Kemm hi ħaġa sabiħa u fl-istess ħin paradossali li aħna, fil-lingwa għażiża tagħna, nużaw l-istess verb b’espressjoni negattiva u b’espressjoni pożittiva ‘la tibżax’, imma fl-istess ħin ejjew nibżgħu għal xulxin. U l-għerq ta’ dan il-biża’ għal xulxin huwa l-protezzjoni, is-solidarjetà li ġejja minn kultura fejn aħna, għalkemm f’ħafna affarijiet ma naqblux, imma f’ħafna affarijiet oħra naqblu, nipproteġu lil xulxin, nibżgħu għal xulxin, niddefendu lil xulxin, naqbżu għal xulxin, inħobbu lil xulxin. Tgħiduli, “Qed titlob xi ħaġa iebsa ħafna”. Imma jiena ma naqtax qalbi, u aħna hemm bżonn inkunu determinati li jekk irridu ma nibżgħux, irridu nibdew nibżgħu għal xulxin.

    Irridu noħolqu kultura li kull min jaħdem fis-soċjetà, jaħdem għall-ġid komuni mhux għal interessi personali tiegħu pereżempju. Qed tgħiduli “Qed toħlom”. Mhux se ngħidilkom “ħalluni noħlom”, imma “oħolmu miegħi biex din il-ħolma ssir realtà”. Meta naħsbu biss fina nfusna, meta r-rabja u l-biża’ tagħna jkunu biss għaliex għandna xi interess personali li huwa mhedded u rridu niddefenduh akkost ta’ kollox, allura nkissru lil xulxin. Imma jekk aħna naħdmu għall-ġid komuni, allura ma nibżgħux imma nibżgħu għal xulxin.

    Ġesù juża’ kliem iebes ħafna fil-qari tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Luqa (Lq 12, 1-7). Dan għaliex inkiteb fi żmien il-persekuzzjonijiet. L-awtur qed jindirizza b’mod partikolari lill-komunità li hija ppersegwitata, u dawn il-kelmiet tal-Mulej meta nkitbu kellhom qawwa speċjali, imma jibqgħu dejjem attwali.

    Il-ħniena għal Daphne u anke għal min qatilha. Il-ġustizzja għal Daphne u anke għal min qatilha.

    “Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma mbagħad ma jkunux jistgħu jagħmlu xejn iżjed”. Min qatel bħal-lum ġimgħa, x’ħa? Jista’ jorqod b’kuxjenza safja? Lilna mliena bin-niket, lill-familja ta’ Daphne ħadilha lill-omm, lill-mart, lill-bint, lill-pajjiż ċaħdu minn ġurnalista skomda, imma x’ħa?  X’dinjità iżjed għandu meta jħares lejh innifsu?

    “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu”. Il-kliem ta’ Ġesù huwa qawwi daqskemm huwa ċar. “Ibżgħu minn dak li wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern” (v. 5), jgħaddi fuqek il-ġudizzju rett u jirrispetta d-deċiżjoni li tgħix mingħajru għax il-ħniena għal kulħadd. Il-ħniena għal Daphne u anke għal min qatilha. Il-ġustizzja għal Daphne u anke għal min qatilha.

    Aħna llum qegħdin nagħmlu att ta’ fidi u att ta’ talb; qegħdin nagħmlu att ta’ fidi f’dak li qal “Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” (Ġw 14, 6) Fit-triq tal-Bidnija l-ħajja nbidlet f’mewt u l-verità ġiet imsikkta imma l-fidi tagħna f’Ġesù temmet fir-rebħa ta’ dak li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja. Ejjew nitolbu biex fil-pajjż ikollna kultura tas-sewwa, ikollna kultura vera ta’ solidarjetà, ikollna kultura tal-onestà għaliex din il-kultura hija l-vera kultura tal-ħajja, hija l-kultura li tagħmilna nies. Ejjew ma nibżgħux imma nibżgħu għal xulxin.

    My solemn appeal today is that we be not afraid. What happened today week was intended to make us fear an unknown force, an unknown force of evil. Our resolve today is that where there is violence, we will work for peace, where there is hatred we will work for love, where there is injustice we will strive for justice, where there is fear we will work for courage, where there is division we will work for unity. We pray for Daphne and her family but we also pray for our island nation that we may promote a culture of solidarity, of integrity, of honesty on all levels. May our resolve be blessed through the mercy of God. Amen.

    Nagħmlu mument ta’ silenzju u nitolbu għall-vittmi kollha tal-vjolenza, tal-mibegħda.

     Charles J. Scicluna

          Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja