Cardinal Jean-Louis Tauran

Il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż qed jissottolinea l-valuri komuni tal-Kattoliċi u l-buddisti, bħar-rispett lejn in-natura ta’ kull ħaġa, il-kontemplazzjoni, l-umilta, is-sempliċita, il-kompassjoni u l-ġenerożita.

“Nirrikonoxxu li nżommu komuni dawn il-valuri”, qal messaġġ mibgħut mill-Kunsill tal-Buddisti kollha fl-okkażjoni tal-festa ta’ Vesakh. Vesakh hi ċċelebrata f’jiem differenti, skont il-kalendarji użati mid-diversi gruppi Buddisti. Il-festa tfakkar it-twelid, il-ħajja ‘mdawla’ u l-mewt ta’ Buddha.

Il-messaġġ, iffirmat mill-President tal-Kunsill, il-Kardinal Jean-Louis Tauran, u mis-Segretarju, l-Arċisqof Pier Luigi Celata, esprima x-xewqa ta’ tisħiħ “tar-rabtiet eżistenti ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni fis-servizz tal-umanita”.

“Ejja nieħdu din l-opportunita sabiex nirriflettu flimkien dwar it-tema ta’ relevanza partikolari llum, li hi l-kriżi ambjentali li diġa ħolqot sofferenza enormi madwar id-dinja kollha”, żiedu l-Isqfijiet.

Huma komplew li “l-isforzi tal-komunitajiet it-tnejn li jidħlu fi djalogu inter-reliġjuż, ġabet kuxjenza ġdida tal-importanza soċjali u spiritwali tat-tradizzjonijiet reliġjużi rispettivi f’dan il-qasam”. Il-Kunsill temm jinnota li l-valuri miżmuma komuni miż-żewġ reliġjonijiet, “jikkontribwixxu għal ħajja mingħajr vjolenza, bilanċjata u mimlija kuntentizza”.