L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għadna kemm smajna t-tħabbira tal-Għid il-Kbir li se jkun fil-31 ta’ Marzu.

Fil-profezija li tingħata lil Erodi li jixtieq isir jaf fejn twieled dan is-sultan tal-Lhud, l-għorrief tiegħu jikkwotawlu l-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael” (Mt 2:6). F’din il-profezija jitħabbar mexxej li jkun ragħaj li jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu. Fl- Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù stess jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ‘ir-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:14).

Illum qegħdin nifirħu u nirringrrazzjaw lill-Mulej talli dan ir-ragħaj, il-mexxej mibgħut biex jirgħa, jiggverna, iħares lill-poplu ta’ Iżrael huwa wkoll ragħaj, mexxej, ħarries, u ħakem tal-ġnus.

Illum isseħħ il-profezija ta’ Xmun li meta jħaddan lil din it-tarbija fit-tempju ta’ Ġerusalemm u għandha 40 jum, jistqarr li qed jara fi ħdanu: “is-salvazzjoni”, “dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael” (Lq 2: 30.32). U aħna li ġejjin mill-ġnus, aħna nieħdu sehem minn dak il-misteru kbir imħabbar mill-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin li “l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda” (Ef 3:6). Aħna, li ġejjin mill-pagani u nirringrazzjaw lil Alla li l-Appostlu Missierna laqqgħana tant kmieni fl-istorja tagħna mal-Mulej Ġesù bil-qawwa tiegħu li jfejjaq, mill-qawwa tiegħu fuq il-ħażen, aħna llum nifirħu li l-mexxej li ħareġ minn Betlehem huwa wkoll ragħaj mhux biss ta’ Iżrael imma ta’ kull wieħed u waħda minna.

Illum il-kewkba tiddi, l-art ta’ Ġuda timtela bid-dawl u lil dan it-tfajjel ċkejken jiġu offerti l-frott tal-art u xogħol il-bniedem: id-deheb, l-inċens u l-mirra. B’xi mod il-ħolqien kollu jipparteċipa fl-għarfien u fl-adorazzjoni ta’ dan is-sultan tal-paċi, ir-ragħaj ta’ Iżrael li twieled u twieled għalina u għal kull wieħed u waħda minna.

Illum hija l-festa vera u tassew tal-inklużjoni; kulħadd huwa mistieden biex jieqaf quddiem din it-tarbija u jara fiha l-imħabba ta’ Alla, il-ħniena tiegħu, il-kompassjoni tiegħu, it-tenerezza u l-viċinanza tiegħu.

Imma din it-tarbija skont il-profezija ta’ Xmun hi wkoll “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Erodi jixtieq ikun jaf fejn qiegħda din it-tarbija imma l-ħsieb tiegħu hu malizzjuż. Jixtieq joqtolha. Għalih dan is-sinjal ta’ ħniena, ta’ tenerezza isir sinjal ta’ tmerija. Irridu naċċettaw li Ġesù f’kull epoka hu “dawl tal-ġnus” imma wkoll “sinjal li jmeruh”.

Illum aħna u nisimgħu t-tħabbira tal-Għid, nirċievu din l-istedina u fl-istess ħin din it-taħbita fuq il-qalb tagħna: inti kif tilqa’ lil Ġesù? Bħala dawl ta’ ħajtek jew sinjal li tmerih?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72):1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12

Aktar ritratti