-
-
Erba’ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir nhar il‑Ħadd 7 ta’ Jannar 2018, waqt il‑Quddiesa tal‑Epifanija fil‑Konkatridral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:15 a.m.
Osmar Baldacchino mill‑Parroċċa ta’ San Nikola, is‑Siġġiewi, David Borg mill‑Parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar, Christopher Bugeja mill‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat, u Jonathan Debattista mill‑Parroċċa ta’ Marija Lunzjata, Ħal Tarxien, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti.
Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il‑Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.
Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn l‑erba’ kandidati għas-saċerdozju.