Is-Soċjetà tad-Duttrina Nistranija, permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, ippubblikat dawn il-kotba li jistgħu jkunu utli għall-ħajja spiritwali u l-ministeru pastorali.
It-tentazzjoni u d-dixxerniment hu ktieb tat-teologu Ċilen Segundo Galilea li oriġinarjament kien ippublikat fl-1991. Għandu jinteressa lil dawk impenjati fil-Knisja għax jispjega b’mod prattiku u attwali kif nistgħu niddistingwu bejn it-tqanqil tal-Ispirtu s-Santu u dak li hu biss falsità.
Mingħajru ma nistgħu tagħmlu xejn: inkunu missjunarji fid-dinja tal-lum hu ktieb-intervista tal-Papa Franġisku mal-ġurnalista Taljan Gianni Valenti li oriġinarjament kien ippublikat fl-2019. Joffri eżortazzjoni mqanqla tal-Papa biex inkunu dak li aħna l-Insara msejħin għalih: missjunarji awtentiċi fid-dinja tal-lum. Il-Papa jemfasizza li kull apostolat irid ikun il-frott ta’ relazzjoni ta’ mħabba bejn Ġesù u l-persuna missjunarja.
Il-qawwa tal-vokazzjoni: il-ħajja kkonsagrata llum hu ktieb-intervista ieħor tal-Papa Franġisku mal-missjunarju Spanjol Fernando Prado li oriġinarjament kien ippublikat fl-2014. Joffri riflessjoni tal-Papa dwar kif żviluppat il-ħajja kkonsagrata fl-aħħar żmien, l-isfidi li ġew, jew għad hemm bżonn li jiġu, affrontati, u t-tagħlimiet li ħarġu minn dawn l-esperjenzi. Il-Papa jaqsam ukoll mumenti kruċjali mill-ħajja personali tiegħu bħala reliġjuż.
Għaxra żgħar imma kbar hu ktieb ta’ Robert Aloisio dwar il-ħajja ta’ għaxar żgħażagħ, ħafna minnhom ta’ żmienna, wieħed minnhom Malti, li taw xhieda bi kliemhom u b’għemilhom tal-fidi tagħhom fi Kristu. Ġie ppublikat fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis, u hu ideali għall-adolexxenti u dawk li jakkumpanjawhom, għax juri biċ-ċar li hu possibbli tgħix tajjeb illum ukoll, fis-seklu 21.
Dan il-kotba huma għall-bejgħ minn Librerija Preca, il-Blata l-Bajda.