Is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) tal-Azzjoni Kattolika Maltija (VO/1743) għal darb’oħra se jerġa’ jorganizza l-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju bejn id-Duluri, il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu u l-Ġimgħa l-Kbira, fid-29 ta’ Marzu 2024. Permezz ta’ din il-kampanja, is-Segretarjat Assistenza Soċjali jipprova jqajjem iktar kuxjenza fost il-poplu Malti għar-responsabbiltà li għandu lejn kull min ikun għaddej minn xi forma ta’ tbatija, speċjalment dawk foqra ekonomikament.
It-titlu tal-kampanja li ntagħżel għal din is-sena hu Erġa’ Agħti Dinjità. B’dan l-isem is-SAS jixtieq iwassal il-messaġġ li meta nagħtu kas u ngħinu lil ħaddieħor, inkunu qed nagħtu dinjità lill-persuna fil-bżonn. Is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-AKM qed jappella għall-ġenerożità tal-poplu biex is-servizz tiegħu lil ħutna fil-bżonn jibqa’ għaddej u jkompli jissaħħaħ, għax sfortunatament il-bżonn kiber ħafna.
Is-servizzi tas-SAS huma ħafna, fosthom l-għajnuna mis-social workers impjegati f’din l-organizzazzjoni biex jgħinu persuni fil-bżonn, jilħqu l-potenzjal tagħhom għal ġid tagħhom stess u biex inkomplu nibnu kommunità b’saħħitha, fejn dawn il-persuni ma jibqgħux dipendenti fuq ħaddieħor. Apparti dan is-servizz ta’ social work qed jingħataw servizzi oħrajn permezz ta’ proġetti soċjali oħra bħal servizz ta’ akkoljenza fejn persuni bla saqaf fuq rashom għandhom spazju fejn jinħaslu, jaħslu l-ħwejjeġ u jqattgħu ftit ħin f’post sħun u sikur f’Dar Pier Giorgio Frassati f’Ħal Qormi. Jingħata wkoll servizz ta’ akkomodazzjoni soċjali temporanju permezz ta’ Dar Regina Pacis f’Ħal Balzan. Is-SAS għandu wkoll minibuses bit-tail lift li jintużaw biex tingħata l-opportunità lill-persuni anzjani, kif ukoll persuni b’diżabbiltà li joħorġu u jipparteċipaw f’attivitajiet li forsi mhux faċilment jattendu u b’hekk mhux biss ikunu qed jikkontrobwixxu fis-soċjetà, iżda wkoll ma jħossuhomx waħedhom.
L-Isqof Joseph Galea-Curmi wera s-sapport tiegħu lejn din il-kampanja billi ħareġ ċirkulari bl-iskop, kif ukoll informa lill-Kappillani dwar il-ġabra li ssir fil-knejjes matul il-Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Dipartimenti tal-gvern u l-iskejjel jipparteċipaw ukoll billi jiġbru u jibgħatu d-donazzjonijiet tagħhom. Is-SAS jinkoraġixxu lill-individwi u kumpaniji madwar il-gżejjer Maltin biex jissapportjaw il-ħidma li qed issir mis-SAS billi jibgħatu d-donazzjonijiet tagħhom.
Donazzjonijiet lis-SAS jistgħu jsiru personalment jew bil-posta fl-uffiċċju li jinsab fl-Istitut Kattoliku, Triq San Publiju Floriana. Ċekkijiet għandhom jiġu indirizzati lis-Segretarjat Assistenza Soċjali AKM. Ċekkijiet ta’ valur inqas minn €20 ma jiġux aċċettati mill-bank. Jista’ jsir transfer jew depożitu f’wieħed mil-kontijiet msemmija:
- APS IBAN: MT25APSB 77 0130 0000 0037 2202 10046
- BOV IBAN: MT38VALL 22 0130 0000 0040 0155 41734
- HSBC IBAN: MT08MMEB 44 3360 0000 0033 0768 11001
Il-pubbliku wkoll imħeġġeġ biex jibgħat donazzjoni permezz ta’ SMS fuq 5061 7925 għal donazzjoni ta’ €4.66 u fuq 5061 9281 għal donazzjoni ta’ €11.65.