Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, il-ħames Ħadd tar-Randan, kif qed nersqu lejn il-Ġimgħa Mqaddsa, fl-Evanġelju (cfr Ġw. 12-20-33), Ġesù jgħidilna xi ħaġa importanti: li fuq is-salib nilmħu l-glorja tiegħu u ta’ Missieru (cfr vv. 23.28)

Kif jista’ jkun li l-glorja tal-Missier tidher propju hemm, fuq is-Salib? Wieħed jasal jifhem li dan kellu jseħħ fil-qawmien, mhux fuq is-Salib, li hu telfa, falliment! Iżda llum hu u jitkellem dwar il-Passjoni tiegħu, Ġesù jgħid: “Waslet is-siegħa li Bin il-bniedem ikun igglorifikat” (v. 23).  X’irid jgħidilna biha?

Irid jgħidilna li għal Alla, il-glorja ma tfissirx is-suċċess uman, il-fama, il-popolarità; fil-glorja Alla ma jarax awtoreferenzjalità, mhix manifestazzjoni ta’ setgħa grandjuża li tirċievi l-applaws tal-pubbliku. Għal Alla l-glorja tfisser imħabba sa ma wieħed jagħti ħajtu. Għalih il-glorja tfisser għotja, li jkun aċessibbli, joffri imħabbtu. U dan sab il-milja tiegħu fuq is-Salib, propju hemm, fejn Ġesù wera sħiħ il-quċċata tal-imħabba t’Alla, wera verament il-wiċċ tal-ħniena ta’ Alla bl-għotja ta’ ħajtu u l-maħfra ta’ dawk li kienu qed isallbuh.

Ħuti, minn fuq is-Salib, “kattedra ta’ Alla”, il-Mulej jgħallimna li l-vera glorja, dik li ma tafx b’għabex u thenni, hi magħmula minn għotja u maħfra. L-għotja u l-maħfra huma l-essenza tal-glorja t’Alla. U għalina huma t-triq tal-ħajja. Għotja u maħfra: kriterji differenti ħafna minn dak li naraw iseħħ madwarna, u fina wkoll, meta l-kejl tal-glorja jkun aktar dak li nirċievu milli dak li nagħtu; qisha xi ħaġa li għandha nipposseduha aktar milli noffruha.  Le, il-glorja tad-dinja tgħaddi u ma tħalli l-ebda hena fil-qalb; u lanqas hi ta’ fejda għal kulħadd, anzi ġġib il-firda, il-nuqqas ta’ ftehim, l-għira.

U allura nistgħu nistaqsu: liema glorja nixtieq għalija, għal ħajti, dik li noħlom dwarha għall-ġejjieni tiegħi? Dik li nimpressjona lill-oħrajn bil-bravura tiegħi, bil-ħiliet tiegħi jew minħabba dak li għandi? Jew it-triq tal-għotja u tal-maħfra, dik ta’ Ġesù Kuriċifiss, it-triq ta’ min qatt ma jheda jħobb, fiduċjuż li din l-imġieba tkun xhieda ta’ Alla fid-dinja u tkun id-dija tas-sbuħija tal-ħajja? Liema glorja rrid għalija? Infatti nfakkar, li meta nagħtu u naħfru, fina tilmaħ il-glorja t’Alla. Propju hemmhekk: meta nagħtu u naħfru. 

Il-Verġni Marija, li segwiet lil Ġesù bil-fidi fis-siegħa tal-Passjoni, tgħinna nkunu mirja ħajjin tal-imħabba ta’ Ġesù.

Sors: laikos.org