Il-Mużewijiet tal-Vatikan qed jestendu l-ħiniiet tal-ftuħ matul il-ġimgħa li matulha se jkun ibbeatifikat il-Papa Ġwanni Pawlu II. Dan qaluh rapporti tas-Santa Sede.
L-uffiċċju tat-tmexxija tal-Istat tal-Vatikan ħabbar li l-Mużewijiet tal-Vatikan se jiftħu bejn is-7pm u nofsillejl, bl-aħħar dħul ikun fl-10pm. Dan se japplika għas-26, 27, 28 u 29 ta’ April kif ukoll għat-2 ta’ Mejju 2011.
Aktar minn hekk, il-ġurnal semi-uffiċjali tal-Vatikan L’Osservatore Romano, irraporta fl-aħħar jiem li l-miżata tad-dħul se titnaqqas għal 8 ewro għall-pellegrini li fid-daħlatal-mużew jippreżentaw ittra mill-parroċċa, mid-djoċesi jew mill-kongregazzjoni reliġjuża tagħhom. L-inizjattiva hi maħuba li tiffaċilita s-servizz u l-merħba li se jingħataw il-pellegrini li se jkunu f’Ruma apposta għall-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II.
Il-mużewijiet tal-Vatikan se jiftħu regolarment bil-lejl mis-6 ta’ Mejju sat-28 t’Ottubru, minbarra x-xahar t’Awwissu.