L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek u int, għax hu sidek, agħtih qima” (S 44:12).

Is-salm 44 illum huwa applikat għall-mod kif iħares Alla lejn il-qaddejja tiegħu Marija ta’ Nazaret. Fil-providenza u l-ħniena kbira tiegħu mit-tnissil tagħha ħarisha mid-dnub oriġinali. Is-sbuħija ta’ din il-mara hija opra tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. Ma’ din il-missjoni speċjali li l-anġlu Gabrijel iħabbrilha u li hi tilqa b’sens kbir ta’ ubbidjenza u ta’ disponibbiltà, il-Mulej ta wkoll qalb li tħobb ħafna. L-hena ta’ Marija mhijiex biss hena fil-fidi bħalma qaltilha l-qariba tagħha Eliżabetta: “Hienja int li emmint” (Lq 1:45) imma hija wkoll hena fit-tama u hena fl-imħabba.

Wara kollox l-Evanġelju li jintagħżel għall-ġurnata tal-Għid tal-Assunta huwa frott id-deċiżjoni tagħha li malli tinduna li l-qariba tagħha għandha bżonn l-għajnuna, “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq1:39) u baqgħet mal-qariba tagħha għal tliet xhur sakemm twieled Ġwanni, li aħna nafuh bħala Ġwanni l-Battista. 

Il-preżenza ta’ Marija timla lil Eliżabetta bl-Ispirtu s-Santu. Malli Eliżabetta semgħet lil Mairja ssellmilha, it-tarbija Ġwanni li kellha fil-ġuf qabżet bil-ferħ u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu u nfexxet f’għajta kbira li aħna tgħallimna nużaw kull meta nsellmu lill-Madonna: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42). Illum ningħaqdu mal-ġnus li lill-Madonna jsejħulha hienja. Ningħaqdu ma’ Eliżabetta u ntennulha l-kliem li huwa tant għal qalbna. “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”.

“Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek” (S 44:12). U għaliex il-ġmiel tiegħek mhux biss kwistjoni ta’ fattizzi, mhix biss il-ħarsa ta’ għajnejk u l-bixra ta’ wiċċek u l-ħadma ta’ jdejk u s-saħħa ta’ riġlejk u t-taħbita ta’ qalbek. Il-ġmiel tiegħek huwa l-imħabba tiegħek lejn Alla u lejn il-proxxmu. Il-ġmiel tiegħek huwa l-ubbidjenza tiegħek, it-tama tiegħek anke meta kont taħt is-salib ta’ Ibnek.

Il-ġmiel tiegħek huwa l-imħabba tiegħek lejn Alla u lejn il-proxxmu. Il-ġmiel tiegħek huwa l-ubbidjenza tiegħek, it-tama tiegħek anke meta kont taħt is-salib ta’ Ibnek.

U Alla, jitgħaxxaq bil-ġmiel tiegħek, ma riedx li inti u tgħaddi mill-bieb tal-mewt tara t-taħsir tal-qabar. F’Ġerusalemm hemm żewġ oqbra vojta: dak ta’ Ġesu u dak ta’ ommu Marija taħt il-għolja taż-żebbuġ. It-tnejn jgħidulna li: “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1:37). It-tnejn jimlewna bit-tama li Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, “l-ewwel frott fost dawk liraqdu (1 Kor 15:20). Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, ilkoll kemm aħna ngħaddu mill-bieb tal-mewt imma lkoll niksbu l-ħajja fi Kristu, “kulħadd skont kif imissu” (1 Kor 15:23). U kif tgħid u titlob il-Knisja llum kien jixraq li l-omm imnissla bla tebgħa ma tarax it-taħsir tal-qabar. Għalina ssir il-kewkba li tiddi fid-dlam, omm it-tama u omm il-ħniena. U jekk aħna lkoll kemm aħna pellegrini, migranti f’din l-art, hi wkoll il-faraġ ta’ kull wieħed u waħda minna.

F’dan iż-żmien ta’ pandemija nduru lejha bħala s-saħħa tal-morda, imma ejjew ukoll induru lejha bħala l-kenn tal-midinbin, faraġ tal-imnikktin.

F’dan iż-żmien ta’ pandemija nduru lejha bħala s-saħħa tal-morda, imma ejjew ukoll induru lejha bħala l-kenn tal-midinbin, faraġ tal-imnikktin. Hi li hi l-għamara tal-Ikbar Għoli, iddawwal id-qalb tagħna biex nixxenqu għall-ġenna. F’kull quddiesa nisimgħu dawn il-kelmiet gheżież: “Nerfgħu qlubna ’l fuq”. U llum aħna u nħarsu lejn ix-xbieha ħelwa ta’ Santa Marija, ejjew nerfgħu qlubna ’l fuq, nixxenqu għall-ġenna għax dak huwa d-destin tagħna. Il-Mulej Ġesù stess qalilna: “Sejjer inħejjilkom post, kieku ma kienx hekk kont ngħidilkom” Hu li ħejja għamara sabiħa għal ommu qatagħlna l-biljett, ibbukkjalna l-post. Irridu mmorru? Tgħiduli: ‘m’aħniex mgħaġġlin’. Lanqas jien imma meta jasal il-mument għandna post sabiħ imħejji.

O Marija, meta l-Mulej iħares lejk jitgħaxxaq bi ġmielek bħalma tgħaxxaq b’Ibnu l-maħbub, agħmel li aħna wkoll ulied il-Mulej fil-misteru tal-ħolqien imma iżjed uliedu fil-misteru tal-fidwa, naslu fejn qiegħda inti u miegħek lill-Mulej ngħidulu: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħek jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi (Lq 1:46).

Viva Santa Marija!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Salm: 44
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
Evanġelju: Lq 1:39-56

More Photos >>