L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Mark, fl-Evanġelju tiegħu, kultant fi ftit kliem jiġbor il-ħidma kbira li kien qed jagħmel Ġesù man-nies. Fl-Evanġelju tal-lum naraw proprju dan: fi ftit kliem ġabar il-ħidma ta’ fejqan li Ġesù kien qed jagħmel fl-ibliet, fl-irħula, fil-kampanja – kullimkien.
Tolqtok f’din is-silta l-popolarità ta’ Ġesù man-nies – kulħadd ifittxu, kulħadd jinġabar madwaru. Ġesù l-popolarità qatt ma użaha għall-gwadann tiegħu, imma użaha biex jaqdi lin-nies, biex jagħmel il-ġid, biex ikun ta’ servizz għan-nies.
X’naraw f’din is-silta ta’ Ġesù li jfejjaq, x’naraw b’mod sabiħ ħafna? Ġesù hu dak li jfejjaq; aħna nsejħulu wkoll it-tabib tagħna. Hawn ifejjaq ħafna nies fiżikament, imma Ġesù jfejjaq anke ħafna nies minn ġewwa. Li naraw minn barra, naturalment, f’ħafna rakkonti, hu dak il-fejqan fiżiku li kien jagħmel Ġesù, u kien jagħmlu f’ħafna postijiet. Imma Ġesù fejjaq ħafna nies minn ġewwa, jiġifieri fil-qalb tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ukoll, b’mod li setgħu jgawdu mill-ġdid il-paċi f’qalbhom. Dan hu żgur li lkoll għandna bżonn. Nitolbuh ifejjaqna. Jista’ jkun mhux se nfiqu mill-mard fiżiku; imma minn ġewwa, li tant ikollna bżonn, Ġesù jfejjaqna. U jgħinna f’qalbna, u jgħinna fir-relazzjonijiet mal-oħrajn, speċjalment biex aħna jkollna l-paċi tiegħu.
Ġesù ma kienx jagħmel distinzjoni, għax għalih kull persuna hi importanti u jistma lil kulħadd b’dinjità. U jkun ta’ servizz għal kulħadd, għal kull min ġie quddiemu jew ġabuh quddiemu.
Jolqotna wkoll f’dan l-Evanġelju, imma f’ħafna siltiet oħrajn, kif Ġesù kien ifejjaq lil kulħadd. Ma kienx jagħmel distinzjoni fil-fejqan tiegħu, speċi lil dan iva imma dan mhux daqshekk importanti. Fil-fejqan ma kienx jagħmel distinzjoni bejn min għandu pożizzjoni fis-soċjetà, imlaħħaq, u min ta’ ħajja ordinarja; bejn iż-żgħir u l-kbir, anke fl-età; bejn min hu viċin u min hu ’l bogħod; bejn dan tar-razza tiegħi u dak jew dik mhux tar-razza tiegħi; bejn raġel u mara; bejn nies ġejjin mill-irħula, bliet u kampanja. Ma kienx jagħmel distinzjoni, għax għalih kull persuna hi importanti u jistma lil kulħadd b’dinjità. U jkun ta’ servizz għal kulħadd, għal kull min ġie quddiemu jew ġabuh quddiemu.
F’dan l-Evanġelju, għandna messaġġ sabiħ ħafna għalina. L-ewwel nett, biex lill-Mulej nitolbuh ifejjaq lilna, speċjalment ifejqilna l-qalb tagħna ħalli nkunu tassew fil-paċi tiegħu. Biex jgħallimna wkoll ikollna l-istess stima u mħabba li kellu hu lejn kull persuna, hu min hu, hi min hi. U biex ukoll nissieħbu miegħu f’dan il-ministeru, f’din il-ħidma ta’ fejqan. Hawn min qiegħed direttament hekk – tant nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, tas-saħħa fiżika jew mentali, li jistgħu jaqdu dan ix-xogħol nobbli li għandhom bl-istess spirtu ta’ Ġesù. Imma aħna lkoll nistgħu nissieħbu ma’ Ġesù, fil-ħidma ta’ fejqan tiegħu, anke fl-affarijiet żgħar u ordinarji ta’ kuljum: b’kelma ta’ inkoraġġiment; kelma li tfejjaq, li tkun duwa għal ħaddieħor; kelma li turi ġentilezza, tenerezza, imħabba. Nistgħu nissiebħu ma’ Ġesù f’din il-ħidma tiegħu ta’ fejqan.
Nitolbuh biex fina jġib il-fejqan, il-paċi tiegħu, il-paċi fil-qalb tagħna; u nitolbuh biex aħna wkoll inkunu bħalu, naħdmu għall-fejqan, mimlijin bl-imħabba u bit-tenerezza tiegħu; u fina n-nies jaraw l-għożża u l-imħabba li kienu jaraw f’Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju