Il-25 edizzjoni ta’ Festa ta’ Ġenerożità

Id-Dar tal-Providenza se ttella’ s-26 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ta’ kull sena ssir fl-1 ta’ Jannar biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha kif ukoll issaħħaħha.

Biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd, it-trasmissjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità se terġa’ ssir fl-istudios ta’ We f’Ħal Qormi. L-istudios se jkunu aċċessibbli biss għal dawk li se jwieġbu t-telefonati u l-VIPs mistiedna. Din se tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn nofsinhar u nofsillejl. Fid-9:30am, TVM ixandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li din is-sena, kienet sena oħra partikolari ħafna għad-Dar tal-Providenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li waħda mill-vittmi tagħha sfortunatament kienet residenta. Grazzi għall-vaċċin, ħajjet ir-residenti marret lura għan-normal għax reġgħu qed jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-qraba u l-ħbieb tagħhom, kif ukoll jattendu xi atttivitajiet li jsiru fil-komunità. 

Is-servizzi residenzjali li toffri d-Dar huma servizzi personalizzati li jwieġbu għall-bżonnjiet u l-aspirazzjonijiet tar-residenti. 

“Aħna impenjati,” qal Fr Martin, “li nkomplu ntejbu dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi li noffru anke biex ir-residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil-komunità. Biex nagħmlu dan dejjem naraw li kull sena ninvestu f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex inkomplu niftħu djar oħra fil-komunità.” 

Naturalment, l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi din is-sena reġgħu kienu limitati, għajr għall-Festa ta’ Ġenerożità, kif ukoll il-maratona li saret f’Lulju fuq it-televixin flok dik tal-volleyball.

Fr Martin żied jgħid li din is-sena barra l-iebes li ġabet magħha l-pandemija kien hemm ukoll mumenti sbieħ b’mod speċjali meta l-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-ħidma li twettaq id-Dar tal-Providenza bil-Premju Ċittadin Ewropew. Rikonoxximent fuq livell Ewropew tal-ħidma li ssir ifisser ħafna għall-amministrazzjoni, ħaddiema u voluntiera tad-Dar.

Wieħed jista’ mil-lum stess sal-ewwel tas-sena jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi. Dawn id-donazzjonijiet se jingħaddu mas-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.

€10 5160 2012
€15 5170 2013
€25 5180 2014
€50 5190 2085
€100 5130 2022
SMS €7 50618922
BOV Mobile 79324834

Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-Banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi SGW2822. (Skont id-direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jistgħux jinħarġu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas għax ma jissarfux mill-banek.)

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt wara s-Suq bejn id-9am u l-12pm; Paola Catholic Bookshop, Raħal Ġdid, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta mill-ġimgħa d-dieħla.

L-Amministratur tad-Dar Nadine Camilleri Cassano spjegat kif, wara waqfa ta’ sentejn, se jsiru l-wirja u l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel tas-sena. Kull min hu interessat jista’ jara I‑katalgu tax‑xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l‑irkant online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com. Dawn ix-xogħlijiet bħalissa jinsabu fid-daħla tal‑Parlament ta’ Malta fil‑Belt Valletta sas‑26 ta’ Diċembru.

Attivitajiet oħra marbuta ma’ ġbir ta’ fondi huma l-kunċert mill-Banda tal-Pulizija taħt il-flyovers tal-Marsa llejla il-Ġimgħa, 17 ta’ Diċembru fis-7pm bħala parti minn Christmas Under the Bridge li se jsir fil-post. Se ssir ukoll maratona ta’ 30 siegħa xandir fuq 103FM organizzata minn Arthur Caruana, Ian Busuttil Naudi u Ron Briffa.  Din se tibda l-Ħamis 30 ta’ Diċembru fis-6am u tibqa’ għaddejja sal-10am tal-aħħar tas-sena. Attività oħra hi Carols Under the Stars fil-kappella Santa Marija tax-Xagħra f’San Pawl tat-Tarġa. Din se tkun wirja bid-dwal bis-sehem ta’ korijiet bil-kant tal-Milied. Carols under the Stars se jsir fit-22, 23, 26 u 27 ta’ Diċembru bejn is-6pm u l-10pm.