Wara waqfa ta’ sentejn, fl‑intrata tal‑Parlament ta’ Malta fil‑Belt Valletta, id‑Dar tal‑Providenza qed ittella’ wirja ta’ 106 biċċa xogħol tal‑arti mogħtija minn 84 artisti Maltin u barranin. Dawn ix‑xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id‑Dar fl‑1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill‑Festa ta’ Ġenerożità.

Din il‑wirja, li se tibqa’ għaddejja sas‑26 ta’ Diċembru, hi miftuħa għall‑pubbliku bejn id‑9am u l‑5pm mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa u bejn id‑9am u n‑nofsiegħa s‑Sibt u l‑Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din il-wirja billi jippreżenta l‑karta tal‑identità kif ukoll iċ‑ċertifkat tal‑vaċċin.

Kulħadd jista’ jieħu sehem ukoll fl‑irkant tal‑1 ta’ Jannar. Għal min hu interessat hemm iI‑katalgu tax‑xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l‑irkant online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com. L-irkant online se jitmexxa minn Belgravia Auctions.