Il-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena organizzata mid-Dar tal-Providenza se ssir mill-ġdid taħt it-tinda l-kbira fil-parkeġġ tas-Siġġiewi wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan  tħabbar  minn Fr Martin Micallef, Direttur u mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu l-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru 2022.

Bħas-soltu, l-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn l-10.00am u nofsillejl. Fid-9.30am, TVM2 ixandar il-quddiesa mill-kappella tad-Dar li se titmexxa mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Fr Martin qal li is-servizzi residenzjali li toffri d-Dar huma servizzi personalizzati li jwieġbu għall-bżonnjiet u l-aspirazzjonijiet tar-residenti.  Id-Dar hija impenjati li tkompli ttejjeb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi li toffri anke biex ir-residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil-komunità.  Biex isir dan, kull sena jsir investiment f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex ikomplu jinfetħu djar oħra fil-komunità. 

Fost ix-xogħlijiet li saru hemm renovar, inkluż installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Pirotta, Birkirkara, li hija waħda mid-djar fil-komunità; xogħol ta’ manutenzjoni kull fejn kien meħtieġ;  investiment uman b’mod speċjali ta’ professjonisti; taħriġ intensiv lill-ħaddiema kollha tad-Dar mill-professur Ingliż Tony Osgood, li hu espert fil-qasam tal-persuni b’diżabilità. Dan it-taħriġ kellu l-għan li titjieb il-kwalità tas-servizzi li toffri d-Dar.  Minnu u minn esperti oħra Maltin fil-qasam tal-persuni b’diżabilità ingħataw pariri li għandhom jgħinu lid-Dar fl-istrateġija  li huwa ppjanjat għall-ħidma tad-Dar fil-15-il sena li ġejjin.

Għas-sena d-dieħla, l-pjani jinkludu l-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Balluta; aktar taħriġ lill-ħaddiema, investiment f’aktar professjonisti; il-bidu ta’ proġett ta’ rinovar f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni li għandu jtejjeb l-ambjent li fih jgħixu wħud mir-residenti u, fl-aħħarnett, l-iffinalizzar tal-istrateġija għas-snin li ġejjin.

Is-Sinjura Camilleri Cassano spjegat kif id-donazzjonijiet jistgħu isiru mill-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn dawn il-mezzi.  Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu inklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2023.

  • €10         5160 2012
  • €15         5170 2013
  • €25         5180 2014
  • €50         5190 2085
  • €100       5130 2022
  • SMS €7   50618922
  • BOV Mobile  79324834
  • Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi  SGW2822. Imma nfakkru li b’direttiva tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jistgħux jintbagħtu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas għax ma jissarfux mill-banek.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9:00 am u n-12:00 pm, mill-Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’ Jannar 2023.

Is-Sinjura Camilleri Cassano qalet li se jsiru wkoll il-wirja u l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artisti Maltin u barranin, bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità tal-ewwel tas-sena. Kull min hu interessat jista’ jara l-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar kif se jsir l-irkant online fl-1 ta’ Jannar fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com

Ix-xogħlijiet tal-arti kollha jistgħu jiġu apprezzati f’wirja li se tinżamm fil-Parlament ta’ Malta fil-Belt Valletta.  Din il wirja, li tiftaħ fil-15 ta’ Diċembru tibqa’ sejra sas-26 tax-xahar. Tkun miftuħa għall pubbliku bejn id-9:00am u l-5:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn id-9.00am u n-12.30pm is-Sibt u l-Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l esibizzjoni billi jippreżenta l-Karta tal-Identità.

Is-Sur Kevin Papagiorcopulo, Editor-in-Chief ta’ Newsbook, tkellem dwar il-maratona ta’ 30 siegħa xandir fuq 103FM Malta’s Heart is-Sibt l-10 u l-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2022. 25 preżentatur tal-istazzjon se jieħdu sehem fix-xandira u f’xi ħinijiet se jżuru wkoll diversi parroċċi bil-għan li jilqgħu donazzjonijiet.

Attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza għal dan ix-xahar jinkludu:

  • Solo Art Exhibition mill-artist Kenneth Zammit Tabone fil-lukanda Xara Palace, l-Imdina. Parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ix-xogħlijiet se jmorru għad-Dar.
  • Train Ride fil-pjazza tas-Siġġiewi bejn l-10:00am u l-5:000pm nhar it-13 ta’ Diċembru organizzata mill-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza.
  • Wirja ta’ dwalijiet u kant bl-isem “Carols under the Stars” f’diversi lokalitajiet f’Malta organizzati minn Lorraine Buttigieg.
  • Ġirja bir-roti minn grupp ta’ studenti, għalliema u ġenituri mill-Kulleġġ San Benedittu ta’ Ħal Kirkop sad-Dar tal-Providenza nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru.
  • Villaġġ tal-Milied b’risq id-Dar fl-Iskola Sekondarja St Thomas Moore, iż-Żejtun nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru 2022.
  • Tberik tal-annimali fil-carpark tad-Dar nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022.
  • Christmas on Campus – kampanja ta’ ġbir ta’ fondi fl-Università ta’ Malta għal diversi entitajiet fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Community Chest Fund.
  • Kampanja ta’ ġbir ta’ fondi permezz tar-radju mill-Għaqda Mużikali Santa Marija tal-Qrendi.
  • Kunċert fit-30 ta’ Diċembru 2022, organizzat mill-Komunità Agostinjana, fil-Knisja ta’ San Mark, ir-Rabat, Malta.
  • Ġbir fil-parroċċi ta’ Malta u Għawdex, lejlet u nhar l-ewwel tas-sena.