Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

L-Evanġelju tas-solennità tal-lum jeħodna fid-dar ta’ Marija biex jirrakkuntalna t-Tħabbira (cfr Lq 1,26-38).  L-anġlu Gabrijel isellem lil Marija b’dal-kliem: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek (v. 28)”.  Ma jsejħilhiex b’isimha, Marija, iżda b’isem ġdid li ma kinitx taf bih: mimlija bil-grazzja.  Mimlija bil-grazzja, jiġifieri bla ebda dnub, huwa l-isem li jtiha Alla u li qed nagħmlu l-festa tiegħu illum.

Imma, naħsbu ftit fl-istagħġib ta’ Marija: kien f’dak il-mument biss li skopriet l-identità vera tagħha.  Infatti meta Alla jsejħilha b’dak l-isem Hu jirrivelalha l-akbar sigriet tiegħu, li qabel hi ma kelliex ħjiel tiegħu.  Lilna tista’ tiġrilna xi ħaġa l-istess.  F’liema sens?  Fis-sens li aħna wkoll, midinbin, irċevejna d-don tal-bidu li mlielna ħajjitna, ġid akbar minn kull ħaġa oħra, irċevejna l-grazzja oriġinarja.  Aħna nitkellmu ħafna dwar id-dnub oriġinali, imma aħna rċevejna wkoll grazzja oriġinarja, li spiss aħna m’aħniex konxji tagħha.

X’inhi?  X’inhi dil-grazzja oriġinarja?  Hi dak li rċevejna fil-jum tal-Magħmudija tagħna, u minħabba f’hekk ikun sewwa li niftakru fih u niċċelebrawh b’festa!  Nagħmel mistoqsija.  Dil-grazzja li rċevejna fil-Magħmudija hija importanti, imma kemm minnkom jiftakru d-data tal-Magħmudija tagħhom?  Aħsbu ftit.  U jekk ma tiftakruhiex, meta terġgħu lura d-dar staqsu lill-parrinu, lill-parrina, lil missierkom, lil ommkom: “Meta tgħammidt?”  Għax dak il-jum hu jum ta’ grazzja kbira, ta’ bidu ġdid tal-ħajja, tal-grazzja oriġinarja li lkoll għandna.  Dakinhar Alla niżel jgħammar f’ħajjitna, aħna sirna wliedu maħbubin għal dejjem.  Din is-sbuħija oriġinarja li għandna nkunu ferħanin biha!  Illum Marija, sorpriża mill-grazzja li għamlitha sabiħa sa mill-ewwel waqt tal-ħajja, twassalna biex nistgħaġbu bis-sbuħija tagħna.  Nistgħu nifhmuha permezz ta’ tixbiha: dik tal-libsa bajda tal-Magħmudija; din tfakkarna illi, taħt il-ħażen li aħna nittebbgħu bih maż-żmien, fina hemm ukoll ġid ferm akbar mill-ħażen kollu li waqajna fih.  Nisimgħu l-eku tiegħu, nisimgħu lil Alla jgħidilna: “Ibni, binti, jien inħobbok u jien miegħek dejjem, int importanti għalija, ħajtek hi prezzjuża.”  Meta jiġi fuqna l-għawġ u naqtgħu qalbna, meta nitilfu l-kuraġġ u nirriskjaw li nħossuna inutli jew żbaljati, niftakru f’dan, fil-grazzja oriġinarja.  Alla hu magħna, Alla jinsab miegħi sa minn dakinhar.  Ejjew nerġgħu niftakruh dan.

Il-Kelma t’Alla tal-lum tgħallimna ħaġa importanti oħra: illi biex inħarsu s-sbuħija tagħna rridu nħallsu prezz, hemm bżonn nitqabdu. Infatti l-Evanġelju jurina l-kuraġġ ta’ Marija li qalet “iva” lil Alla, li għażelt ir-riskju ta’ Alla; u s-silta mill-Ġenesi, dwar id-dnub oriġinali, tkellimna dwar il-ġlieda mat-tentatur u t-tentazzjonijiet tiegħu (cfr Ġen 3,15).  Iżda mill-esperjenza nafu wkoll, ilkoll kemm aħna: trid tbati biex tagħżel it-tajjeb; hi diffiċli nindukraw it-tajjeb li hemm fina.  Niftakru f’kemm-il darba ħlejna dat-tajjeb għax ċedejna għas-seduzzjoni tal-ħażen, meta b’malizzja fittixna l-interessi tagħna jew għamilna xi ħaġa li niġġset lil qalbna; u anki l-ħela ta’ ħin f’affarijiet inutli jew ta’ ħsara, u ħallejna t-talb għal ħin ieħor, inkella għidna “ma nistax” lil min kien bżonna, meta fil-fatt ħin kellna.

Imma quddiem dan kollu, illum għandna aħbar tajba: Marija il-ħlejqa waħdanija mingħajr dnub fl-istorja, tinsab magħna fit-taqbida, hi oħtna u fuq kollox Omm. 

U aħna, li nsibuha bi tqila nagħżlu t-tajjeb, nistgħu nafdaw ruħna f’idejha.  Nafdaw ruħna, nikkonsagraw lilna nfusna lill-Madonna u ngħidulha: “Żommli idi, Omm, mexxini int: miegħek insib il-forza fil-ġlieda kontra l-ħażen, miegħek niskopri mill-ġdid is-sbuħija oriġinarja tiegħi”  Nintelqu f’idejn Marija, illum, u kuljum intennulha: “Marija nafdalek ħajti, il-familja tiegħi, xogħoli, nafdalek qalbi u t-taqbid tiegħi.  Nikkonsagralek lili nnifsi”.  Jalla l-Immakulata tgħinna nħarsu s-sbuħija tagħna biex inżommu bogħod mill-ħażen.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.  Insellem partikolarment lill-membri tal-Moviment tal-Ħaddiema Nsara u lir-rappreżentanza minn Rocca di Papa bil-fjakkola li se tixgħel il-kewkba tal-Milied li hemm fil-quċċata tal-belt.

Fil-festa ta’ Marija Immakulata, l-Azzjoni Kattolika Taljana tgħix mument ta’ tiġdid tas-sħubija.  Indawwar ħsiebi lejn l-assoċjazzjonijiet djoċesani u parrokkjali tagħha, u nagħmel kuraġġ lil kulħadd biex tibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-ferħ għas-servizz tal-Evanġelju u tal-Knsija.

Illum waranofsinhar se mmur Santa Maria Maggiore biex nitlob f’riġlejn is-Salus Populi Romani, u wara, minnufih immur Piazza di Sapgna biex inżomm it-tradizzjoni tal-att ta’ qima u talb f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dan il-ġest, li jesprimi devozzjoni filjali lejn Ommna, li lill-interċessjoni tagħha nafdaw ix-xewqa universali tal-paċi, partikolarment l-Ukrajna martirizzata, li qed issofri bla qies.  Niftakar fi kliem l-anġlu lill-Verġni: “Għal Alla xejn mhu impossibbli” (Lq 1,37).  Bl-għajnuna t’Alla l-paċi hi possibbli: id-diżarm hu possibbli.  Imma Alla jrid ukoll ir-rieda tajba tagħna.  J’alla l-Madonna tgħinna nikkonvertu lejn il-pjanijiet t’Alla.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u l-mixja tal-Avvent it-tajba; lil kull min jinsab hawn, partikolarment lill-adoloxxenti tal-Immakulata, għax propju llum hi l-festa tagħhom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org