L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu ’l wiċċek, Mulej” (S 23:6). Din l-espressjoni sabiħa, ispirata mis-Salm 23 jew 24 skont il-verżjonijiet, li llum tlabna wara l-ewwel qari, hi espressjoni sabiħa li tfittex wiċċ il-Mulej u tiġbor fiha dak kollu li nistgħu nifhmu bi ok qdusija. Il-qdusija hija li matul ħajtek tfittex il-wiċċ tal-Mulej. “Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh, li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb”.
Aħna l-Insara għandna din ix-xorti kbira li nemmnu fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem u li Alla, li ħadd ma rah, aħna rajnih fil-wiċċ ħelu ta’ Ġesù. Aħna nfittxu ’l wiċċu, aħna nagħrfuh bħala s-Salvatur tagħna, il-ħellies tagħna. Kull min għandu din it-tama fih “isir safi bħalma safi huwa Kristu” (1 Ġw 3:3).
X’inhu l-frott ta’ din it-tfittxija li nagħmlu bil-qalb u li twassalna qrib il-qalb ta’ Ġesù? Meta jitkellem dwar il-henjin (Mt 5:1-12), il-Mulej iwiegħed lil diversi kategoriji frott ta’ din it-tfittxija. Dak kollu li jwiegħed lill-fqar dwar l-ispirtu, lil dawk ta’ qalbhom ħelwa, lil dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, lil dawk li jħennu, li għandhom qalbhom safja, li jġibu l-paċi, u li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja, huwa dak kollu jiġbor l-esperjenza tal-qaddisin. Dak huwa li niċċelebraw illum, u nifirħu magħhom u bihom li huma qed jirtu l-wegħda tal-Mulej. “Tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet, huma mfarrġa, għandhom l-art bħala wirt, huma mxebba’, huma jsibu ħniena, huma jaraw ’l Alla, huma jissejħu wlied Alla, tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (ara Mt 5:1-10).
Min ifittex wiċċ il-Mulej, isib il-ħniena …
Dan huwa l-wirt tal-qaddisin fis-sema li aħna nixxenqu għalih, dan hu l-għatx, dan hu l-ġuħ għall-ġustizzja li l-Mulej poġġa fil-qalb tagħna. Min ifittex wiċċ il-Mulej, isib il-ħniena għaliex min m’għandux bżonn ħniena, għadu ma bediex ifittex wiċċ il-Mulej.
Wiċċ il-Mulej insibuh fil-ħarsa ħelwa ta’ Ġesù fuq Pietru wara li ċaħdu. Wiċċ il-Mulej insibuh fil-ħarsa tiegħu lejn il-ħalliel li aħna ngħidulu t-tajjeb meta jgħidlu: “Tassew, tassew ngħidlek, illum stess tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Din il-ħarsa mhijiex fuq xi ħadd miexi b’xi dijadema imwaħħla ma’ rasu. Il-ħarsa ta’ Ġesù fuq Pietru huwa fuq il-magħżul li ċaħad lill-Imgħallem, il-ħarsa tiegħu fuq sieħbu msallab fuq il-lemin huwa fuq ħalliel li jgħidlu: “Ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Dawn il-midinbin sħabna fittxew il-wiċċ ta’ Ġesù u sabu fih il-wiċċ tal-ħniena. Isibu ħniena u jaraw lil Alla.
Għeżież seminaristi, Ian, Clive, u Gylan, mil-lum il-Knisja tilqagħkom bħala kandidati għad-djakonat u għas-saċerdozju. Tehdew qatt, tieqfu qatt tfittxu wiċċ il-Mulej. Il-Mulej jagħtikom, la qiegħed jagħżilkom għas-saċerdozju, il-grazzja li tiltaqgħu ma’ wiċċu fil-poplu għażiż tagħna. Illum wiċċ il-Mulej huwa mgħotti bil-maskra, bil-maskra tal-għożża u tal-imħabba. Il-maskra li qed nilbsu mhijiex maskra tat-tradiment imma hija espressjoni ta’ mħabba konkreta. Intom tridu tiltaqgħu mal-Mulej u tfittxu ’l wiċċu intom u tħarsu lejn il-poplu għażiż tiegħu. Dik hi t-triq ta’ qdusija li l-Mulej Alla llum, f’isem il-Knisja, qiegħed isejħilkom għaliha.
Se jkollkom dejjem bżonn li tħarsu lejn il-ħarsa ta’ Ġesù mimlija ħniena u l-Mulej jagħtikom il-grazzja tibku l-biki tal-indiema li beka Pietru u li għalkemm it-turufnament tal-ħajja, tibqgħu tgħidu lill-Imgħallem: “Ftakar fija, ftakar fija, int u tidħol fis-saltna tiegħek”. U jalla kull wieħed u waħda minna, fil-punt tal-aħħar vjaġġ tagħna, fil-punt tal-mewt, nisimgħu dak il-kliem ta’ ħniena: “Tassew, tassew ngħidlek, illum stess tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23:43).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 7:2-4,9-14
Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
Qari II: 1 Ġw 3:1-3
Evanġelju: Mt 5:1-12a