Quddiesa Livestream Hal Balzan – 19/04/20 Aktar ritratti hawn: knisja.mt/ritratti

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta ftit ta’ snin ilu Dun Ġorġ Preca kien iddikjarat qaddis, aħna l-Maltin ilkoll fraħna li xi ħadd minn fostna ġie ddikjarat mill-Knisja bħala qaddis, jiġifieri qed igawdi lil Alla għal dejjem. Ħassejnieh bħala unur għalina.

Imma, fil-fatt, meta aħna llum niċċelebraw il-festa tal-qaddisin kollha, din tfakkarna li minbarra dawk li huma ddikjarati qaddisin, li huma ħafna u li ħafna minnhom lanqas nafuhom aħna – meta tara l-lista ta’ qaddisin meqjuma fil-Knisja huma ħafna – hemm ħafna oħra li mhumiex iddikjarati qaddisin imma li qed igawdu lil Alla fis-sema. Huma nies li xi wħud minnhom konna nafuhom, uħud kienu jiġu minna, jew joqogħdu qrib tagħna – nies li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem u issa qed igawdu lil Alla.

Għalhekk, din il-festa tal-lum hi l-festa li tiġbor flimkien lill-qaddisin kollha, kemm dawk iddikjarati hekk, kif ukoll dawk li mhumiex imma huma qaddisin għax qed igawdu lil Alla fis-sema.

X’tgħid lilna llum din il-festa?

Id-destinazzjoni tagħna

L-ewwel nett, meta aħna naħsbu fuq il-qaddisin kolllha, niftakru fid-destinazzjoni tagħna: li hi s-sema pajjiżna. Għalhekk aħna nqimu l-qaddisin li qed igawdu lil Alla fis-sema. Hemmhekk aħna rridu naslu. U l-ħajja tagħna hi mixja lejn din id-destinazzjoni.

Meta dan inżommuh f’moħħna u f’qalbna, żgur li jagħmel differenza għall-mod kif ngħixu l-ħajja tagħna hawn. Meta aħna nafu li l-ħajja mhijiex ftit ta’ snin li jgħaddu, imbagħad daqshekk, imma mexjin lejn din id-destinazzjoni, din tagħmel differenza. Vallapena l-battikata li kultant nieħdu hawn biex nimxu f’din it-triq li twassalna lejn is-sema pajjiżna. Għalhekk, kull meta niftakru fil-qaddisin, qed niftakru f’din id-destinazzjoni li għandna fil-ħajja ta’ dejjem.

Kienu bnedmin bħalna

Dawn il-qaddisin kienu bnedmin bħalna, u għexu b’mod li jogħġob lil Alla, ħadmu f’ħajjithom biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla, qalb id-diffikultajiet, id-difetti, in-nuqqasijiet, id-dnubiet tagħhom. Ħadd minnhom ma kien perfett meta twieled u lanqas tul il-ħajja. Il-Papa Franġisku jsemmi dan fl-Eżortazzjoni Appostolika Ifirħu u Thennew meta jgħid li l-qaddisin ukoll kienu midinbin, imma li ħallew lil Alla jippurifikahom, inaddafhom mill-ħtija tagħhom u jgħinhom fil-mixja biex dejjem jagħmlu mill-aħjar ħa jersqu lejn Alla u jkunu qrib tiegħu. Dawn huma l-qaddisin.

Alla jsejħilna skont il-qasam li fih aħna ngħixu. Hemmhekk iridna nsiru qaddisin.

Ħafna minnhom għexu ħajja mill-iktar ordinarja. Kien hemm minn għamel affarijiet straordinarji li baqgħu jissemmew, imma mhux għal dawk li saru qaddisin, mhux għax kellhom xi doni speċjali u straordinarji, imma hi l-ħajja ordinarja li għexuha magħquda ma’ Alla, u dejjem iħalluh jibdilhom għall-aħjar fil-mixja tal-ħajja tagħhom. Għalhekk lilna jagħmlulna ħafna kuraġġ, u tajjeb li naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, għax dawn huma bnedmin bħalna li għexu fi żminijiet oħra – kultant żminijiet diffiċli daqs tagħna jew aktar – imma għarfu kif jgħixu magħqudin ma’ Alla u għalhekk waslu fis-sema fejn għandhom il-milja tal-imħabba, tal-paċi u tal-ħajja ma’ Alla.

Ilkoll imsejħin għall-qdusija

Din il-festa tgħidilna li aħna lkoll imsejħin għall-qdusija. Aħna lkoll imsejħin biex inkunu qaddisin, jiġifieri biex fil-ħajja tagħna, bħalma għamlu l-qaddisin li nqimu u oħrajn li nafu imma mhumiex iddikjarati qaddisin, nagħmlu ħilitna biex ngħixu s-sejħa li għamlilna Alla u ngħixuha bl-ikbar imħabba, bl-ikbar ġenerożità u bl-ikbar impenn. Lilna Alla jsejħilna skont il-qasam li fih aħna ngħixu. Hemmhekk iridna nsiru qaddisin. Jekk int miżżewweġ jew miżżewġa, fil-ħajja taż-żwieġ li Alla jridek issir qaddis jew qaddisa. Hemmhekk li tgħix tassew dawn il-valuri tas-Saltna ta’ Alla li smajna llum fl-Evanġelju. Jekk int għalliem jew għalliema, bid-dedikazzjoni tiegħek  lejn l-istudenti, lejn din il-vokazzjoni tiegħek bħala għalliem jew għalliema. F’kull qasam differenti li Alla jsejħilna għalih, iridna nsiru qaddisin hemmhekk. Meta niġu hawn fil-knisja, hu l-mument meta nirċievu minn Alla l-għajnuna, il-qawwa, il-barka tiegħu, biex imbagħad ngħixu dan fil-qasam li aħna msejħin.

Alla ma jippretendix minna affarijiet straordinarji – li int tagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn, li tissemma, biex jgħidu ‘dak qaddis’ jew ‘dik qaddisa’. Iridna li l-ħajja ordinarja ta’ kuljum ngħixuha bl-akbar imħabba u hemm insibu tassew il-qdusija. Għalhekk il-festa tal-lum tfakkarna fis-sejħa li aħna lkoll għandna, kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna, biex ngħixu l-qdusija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum minkejja d-difetti, l-iżbalji, in-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna. Alla lilna jgħinna biex dawn nirbħuhom ħalli nkunu qrib tiegħu hawn. Din tkun l-isbaħ tħejjija għall-mument meta niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem, kif għamlu l-qaddisin li qed niċċelebraw illum, għax hawn inkunu għamilna ħilitna biex ngħixu qrib tiegħu.

Nitolbu lill-Mulej illum, fil-festa tal-qaddisin kollha, biex ifakkarna li huwa hu li jqaddes, li  juri l-kobor tiegħu fil-ħajja ta’ dawn il-qaddisin. Nitolbu wkoll bl-interċessjoni tagħhom biex jgħinuna ħalli aħna wkoll, fil-ħajja tagħna, qatt ma nitilfu l-viżjoni ta’ fejn irridu naslu, id-destinazzjoni tagħna, imma nagħrfu ngħixu hawn, fejn isejħilna Alla, il-qdusija, jiġifieri l-għaqda sħiħa tagħna miegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju