Pope in Palermo

Il-Papa Benedittu XVI appella liż-żgħażagħ fi Sqallija sabiex jirrifjutaw ‘it-triq tal-mewt’ offruta minn min jorkestra l-ktimini organizzata u jqumu fuq saqajhom quddiem il-ħażen billi jagħtu xiehda tal-valuri tal-Vanġelu.

Il-Papa għamel dawn il-kummenti fiż-żjara ta’ ġurnata li għamel f’Palermo, il-kapitali ta’ Sqallija, fejn iċċelebra quddiesa mal-baħar, iltaqa’ ma’ saċerdoti u reliġjużi u tkellem maż-żgħażagħ u l-familji fir-reġjun. Qabel irritorna f’Ruma, hu waqaf jitlob fis-sit marbut mal-qtil tal-prosekutur anti-Mafia, Giovanni Falcone, li inqatel b’bomba fl-1992.

Meta kien qed jindirizza liż-żgħażagħ fil-pjazza ċentrali ta’ Palermo, il-Papa nkoraġġixxa lill-istes żgħażagħ sabiex ikunu huma li jbiddlu s-soċjeta ta’ Sqallija.

“Tibżgħux tiġġieldu l-ħażen”, qalilhom. “Taqgħux għan-nasba tal-Mafia, li hi t-triq tal-mewt, inkopatibbli mal-Vanġelu”.

Il-Papa ma naqasx lanqas milli jirreferi għall-eżempju ta’ Fr Giuseppe “Pino” Puglisi, pastor magħruf kontra l-kriminalita f’Palermo u li nqatel fl-1993, u ħeġġeġ sabiex kulħadd jimxi fuq l-eżempju tiegħu. Intant, il-Papa ma naqasx milli jagħraf kemm hu diffiċli li wieħed jinħall mill-kultura ta’ krimini, speċjalment meta ħafna huma b;a impjieg u jgħixu f’inċertezza dwar il-ġejjieni tagħhom.