L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Żgur li kull min kien preżenti għal din il-ġrajja li jirrakkonta San Mark fl-Evanġelju tiegħu baqa’ mbellah b’dak li ra. Kien hemm dawk in-nies kollha, ġewwa u barra; imbagħad ħin minnhom fetħu s-saqaf u mit-toqba rawhom iniżżlu lill-mifluġ quddiem Ġesù. Naħseb qam għagħa sħiħ. Kienet ġurnata li żgur ma jinsewx! Speċjalment imbagħad meta dak ir-raġel li niżżluh hekk, ħareġ ’il barra mill-bieb jimxi.

Hemm ħafna x’nitgħallmu minn dan ir-rakkont. Jekk inħarsu lejn dawn l-erbgħa min-nies li refgħu lil dan il-mifluġ, tolqotna l-fidi qawwija tagħhom. L-Evanġelju jgħid li Ġesù ra l-fidi tagħhom. Kienet fidi li mexxiethom biex lil dan il-mifluġ ifittxu b’kull mezz li jwassluh safejn Ġesù, għax kellhom il-fidi li Ġesù jagħmel xi ħaġa, ifejqu, jgħinu jimxi. U kienet fidi imsieħba mad-determinazzjoni. Kif nafu, il-fidi ma ddgħajfekx, ma tħallikx ma tagħmel xejn, imma tmexxik. Dawn kellhom determinazzjoni qawwija li jegħlbu kull ostaklu biex lill-mifluġ jeħduh għand Ġesù. Ma qalux: “Hawn ħafna nies, inutli llum; niġu darb’oħra, x’tista’ tagħmel?” Le, raw kif jagħmlu sa telgħu u fetħu toqba fis-saqaf biex iniżżluh. Verament tolqtok il-fidi ta’ dawn flimkien mad-determinazzjoni.

Ħa nħarsu lejn Ġesù, li kien qed iwassal il-kelma, kif insibuh kemm-il darba fl-Evanġelju, u f’daqqa waħda jiġi interrot minn dan is-saqaf li qed jinfetaħ u l-mifluġ li jniżżluh quddiemu. Aħna nafu li Ġesù dejjem jagħti importanza lil kull persuna, speċjalment lil dawk l-aktar li qed ibatu u l-aktar fil-bżonn. Ġesù jgħidlu: “dnubietek maħfura”. Naħseb li għal uħud min-nies hemmhekk din kienet qisha anti-climax. Dil-biċċa xogħol kollha biex iġibu lil dal-bniedem quddiemu ħa jfejqu, imbagħad Ġesù kif qallu “dnubietek maħfura”? Għax Ġesù jara fil-fond, dak li hu l-aktar importanti. Jara r-ruħ tagħna. Ġesù ra f’dal-bniedem il-bżonn li jagħtih is-salvazzjoni, jaħfirlu dnubietu. Dak kien l-ewwel bżonn tiegħu – li jfiq minn ġewwa.

Il-fidi ma ddgħajfekx, ma tħallikx ma tagħmel xejn, imma tmexxik.

Imbagħad hemm il-kittieba, dejjem għajnejhom f’Ġesù. Dawn, kif semgħu “dnubietek maħfura”, qalu: Dan x’qed jgħid? “Min jista’ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla biss?” Qalu verament ħaġa tajba. Id-dnubiet jista’ jaħfirhom Alla biss, jiġifieri Ġesù kien Alla. Għalhekk seta’ jaħfer id-dnubiet. Mhux għax kien jippretendiha. Seta’ jaħfer għax hu Alla. U biex Ġesù jikkonferma dan, imbagħad ifejjaq lil dan il-mifluġ. Jgħidlu: “Qum, aqbad friexek, u mur lejn darek”. U dal-bniedem, li ġie merfugħ fil-friex, issa jaqbad il-friex f’idejh, u joħroġ mill-bieb ta’ barra.

Din hija ġrajja sabiħa tal-imħabba kbira ta’ Alla u s-salvazzjoni li jġibilna Alla. Hi ċelebrazzjoni sħiħa: il-fidi u d-determinazzjoni ta’ dawk in-nies li refgħu lill-mifluġ; il-fejqan  sħiħ li jagħti Ġesù fir-ruħ u l-ġisem; u n-nies li jfaħħru lil Alla għall-ħwejjeġ kbar li raw. Apparti dawn il-kittieba li jilmentaw dejjem, kienet ċelebrazzjoni sabiħa ta’ dak li Alla jagħmel fil-ħajja tal-bniedem, u fil-ħajja tas-soċjetà.

Ningħaqdu aħna llum ma’ dawn in-nies li jfaħħru lil Alla, biex infaħħruh għall-ħwejjeġ li jagħmel magħna.  Nitolbuh biex isaħħaħ fina l-fidi. Jgħinna biex nersqu lejh ħalli jġib il-fejqan fina, speċjalment il-fejqan minn ġewwa. U jagħtina wkoll dik il-ħeġġa li kellhom dawn in-nies li refgħu l-milfuġ, biex aħna wkoll inressqu oħrajn lejh, ħalli huma wkoll ikollhom is-salvazzjoni tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju