• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta

    27 ta’ Diċembru 2017

    Mr Speaker, għażiż Dr Farrugia, nirringrazzja lilek u lill-Membri Parlamentari tal-preżenza tagħkom. Nixtieq ukoll nuri l-apprezzament tal-Knisja, tal-poplu, tax-xogħol li jsir b’dedikazzjoni kbira. Espressjoni li tħobb tuża ħafna Mr Speaker hija li l-Parlament tagħna, għax aħna demokrazija u jirrapreżenta lill-poplu, huwa l-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż. U allura biex nuża’ l-espressjoni ta’ Ġesù, intom bħal dak il-musbieħ li jitpoġġa fuq muntanja u kulħadd iħares lejkom. Għalhekk aħna għandna bżonn naraw fil-Parlament eżempju ta’ djalogu ċivili, demokratiku, infurmat u miftuħ. Jiena ninkoraġġikom biex tkomplu tagħtu dan l-eżempju, li inti tista’ ma taqbilx imma tuża’ termini, espressjonjiet u mġiba li huma diċenti u ċivili. 

    Kont qed nitkellem mal-President tar-Repubblika u anke mal-Prim Ministru u l-Kabinett, li hemm bżonn li aħna nitkellmu u noħolqu djalogu soċjali kif anke fil-mezzi ta’ komunikazzjoni jkun hemm spirtu ta’ rispett reċiproku. M’hemmx għalfejn tikkumenta fuq artiklu u tużah biex tikkalunja jew tirredikola lil xi ħadd. Inħoss li aħna l-leaders għandna nkunu suġġetti għall-iskrutinju tal-poplu għax parti mill-kontabbiltà hija li nkunu skrutinati, imma m’hemmx għalfejn inkunu rredikolati jew ikkalunjati. Inħoss li hemm ċertu limiti għall-freedom of speech. Fl-istess ħin inħoss li l-libertà tal-espressjoni hija valur importanti ħafna. Ħadd m’għandu jħallas b’ħajtu għall-valur tal-espressjoni, ikun min ikun, tkun min tkun. Imma fl-istess ħin aħna hemm bżonn nibżgħu konkretament għal xulxin.   

    Jiena nappella anke lill-Parlament, biex hu u jiskrutinja x-xogħol tal-Gvern jesiġi li jkun hemm spirtu ta’ trasparenza. Ippermettuli din in-nota: Jiena ninkwieta meta l-Parlament jirċievi kuntratt u ma jirċevihx b’mod sħiħ, għaliex jista’ jkun hemm qafas ta’ konfidenzjalità imma l-Parlament irid ikollu l-opportunità li jiskrutinja l-operat tal-Gvern b’mod sħiħ. Inħoss li din hija xi ħaġa li hemm bżonm naħdmu ħafna fuqha. Forsi jista’ jkun li jiena bħala ċittadin m’għandix id-dritt nara kollox, imma r-rappreżentanti tiegħi fil-Parlament għandhom id-dritt jaraw kollox għax qed jirrappreżentawni fl-obbligu tagħhom li jkun hemm skrutinju demokratiku ta’ kif tintuża l-awtorità u l-qawwa jew is-setgħa politika. 

    Jiena napprezza wkoll meta jkun hemm consensus fil-Kamra b’mod speċjali dak kollu li jirrispekkja d-dinjità tal-bniedem u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-President ta’ Malta qed issejjaħ għar-reviżjoni tal-Kostituzzjoni. Hemm bżonn li jekk hemm xi istituzzjonijiet fil-pajjiż li jingħataw iżjed qawwa ta’ awtonomija, din il-ħaġa naħdmu fuqha. Dan mhux bilfors bid-due terzi għax inkella noħolqu sistemi li jipparalizzaw kollox.

    Jiena nixtieq, Mr Speaker, bħala rappreżentant tal-Kamra, nippreżentalek replika tal-iskultura ta’ Kristu Re ta’ Antonio Sciortino. Dan il-monument għalaq 100 sena u xtaqt nirregala lill-Parlament din ir-replika, xogħol ta’ Chris Ebejer, artist Malti, u fl-istess ħin tkun xhieda ta’ apprezzament.

    Nirringrazzja ħafna lilkom tax-xogħol kollu li jsir u li tagħmlu. Importanti ħafna ukoll li l-liġijiet li qed jippruvaw jimplimentaw anke d-direttivi tal-Unjoni Ewropea jkunu iżjed magħrufa għaliex il-poplu jrid ikun ukoll mgħarraf bil-ħtiġijiet u l-esiġenzi tal-liġi. Imma nerġa’ nirrepeti s-sens kbir ta’ gratitudni lejn l-istituzzjoni li għalina għandha tkun garanzija ta’ demokrazija.

    Fuqkom u fuq il-Parlament kollu li tirrapreżentaw, filwaqt li napprezzaw ħafna l-viżta tagħkom illum, nitlob ħafna l-barka ta’ Alla u l-protezzjoni tal-Verġni Marija u ta’ San Pawl.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta