Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Huwa dover ta’ mħabba, li aħna nsellmu l-memorja għażiża ta’ Monsinjur Pawl Cremona, fil-jum li smajna bl-aħbar tal-mewt tiegħu.
Mons. Cremona miet propju ftit qabel bdiet il-festa solenni ta’ San Ġużepp. Konna diġà bdejna bl-ewwel għasar ta’ din il-festa. Il-liturġija ta’ San Ġużepp tfakkarna fil-qaddej fidil u għaqli, li l-Mulej tah missjoni – fdalu l-messaġġ ta’ salvezza, ta’ ħelsien, ta’ salvazzjoni.
Hekk għamel ukoll il-Mulej fil-ħajja ta’ Patri Pawl, li mbagħad sar l-Arċisqof tagħna. Kien iħobb jippreżenta ruħu bħala reliġjuż, Dumnikan. Din il-vokazzjoni tiegħu kienet u baqgħet għażiża. Fih rajna eżempju sabiħ tar-Ragħaj it-Tajjeb, bniedem ġwejjed, għaref u umli li ħabb lill-poplu tagħna. Ta ħajtu għall-poplu tagħna.
Kellu wkoll l-umiltà jaċċetta l-mard, jilqa’ s-sitwazzjonijiet diffiċli li għadda minnhom. L-eżempju tiegħu jfakkarna fil-kelma ta’ tama li hemm fis-salm 23: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni… imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni.”
Waqt li nitolbu għar-ruħ għażiża tal-Arċisqof Pawlu Cremona, inwiegħdu wkoll li l-eżempju sabiħ li tana ma ninsewh qatt, bi gratitudni kbira, tad-don kbir li tana l-Mulej fih.
Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta