Fl-aħħar udjenza ġenerali tiegħu, il-Papa Benedittu XVI kompla bil-katekeżi tiegħu dwar it-talb u qal li “wieħed jeħtieġlu jħares lejn l-eżempju ta’ Ġesu stess waqt it-talb, partikolarment fil-kuntest tal-mirakli tal-fejqan. Kemm il-fejqan ta’ bniedem trux (Mk 7: 32-37) u anki l-qawmien ta’ Lazzru (Ġw 11:1-44) juru lil Ġesu jitlob quddiem każi ta’ tbatija umana. It-talb tiegħu f’tali okkażjonijiet, juruh mhux biss jidentifika lilu nnifsu mat-tbatija tal-individwu, iżda juruh ukoll f’relazzjoni speċjali ma’ Alla. Fil-każ tal-persuna nieqsa mis-smigħ, il-kompassjoni ta’ Ġesu twassal għal daħla importanti għat-talb tiegħu, kif jixhed vers 34. Fil-każ ta’ Lazzru, Ġesu jidher profondament kommoss min-niket ta’ Marta u Marija, tant li jibki lill-ħabib tiegħu Lazzru. Fl-istess ħin jitratta din it-traġedja tal-mewt ta’ Lazzru bħala parti mir-rieda ta’ Alla u l-missjoni tiegħu fid-dinja. Aħna wkoll għandna ningħaqdu fit-talb ta’ petizzjoni, tifħir u ringrazzjament, u dan għax nemmnu li l-ikbar rigal li Alla jista’ jagħtina huwa l-ħbiberija tiegħu, bit-talb tagħna jkun eżempju ta’ qalb miftuħa għall-oħrajn li jirrevela l-preżenza t’Alla nnifsu fostna”.

F’messaġġ indirizzat bl-Ingliż, il-Papa Benedittu XVI sellem lill-gruppi ta’ Vjetnamiżi, Niġerjani u Amerikani li kienu preżenti u qal li “kif ilkoll qed nitħejjew għaċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tas-Salvatur fil-Milied, nitlob fuqkom u fuq il-familji tagħkom barkiet ta’ ferħ u paċi mis-sema”.