L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju għandi proposta konkreta għal kull wieħed u waħda minna, nibda minni nnifsi, li kull meta nħarsu lejn kmandament, lejn liġi, lejn ubbidjenza li nirċievu għax aħna familja, hemm il-missier u rridu nobdu. Inkella jitfarrak kollox. Nitolbu l-grazzja li l-ubbidjenza tagħna, imma anke dak li nagħmlu, ikun ġej mill-imħabba.

“Liema hu l-aqwa kmandament?” u Ġesu juża dawn iż-żewġ verbi: ħobb, jużahom għal darbtejn: “ħobb lil Alla, ħobb lil għajrek” (ara Mk 12:28-31).  U jgħid: “M’hemmx kmandament akbar minn dawn” (Mk 12:31). Imma l-verb mhux ‘għamel xi ħaġa’, imma ħobb. U l-mistoqsija dejjem trid tkun: imma jiena b’dak li qed nagħmel, b’dak li qed ngħid – jista’ jkolli mitt elf raġun – b’dak li qed nagħmel, b’dak li qed naħseb hemm imħabba fih? Għax dak huwa l-ikbar u l-aqwa kriterju.

U meta aħna nirċievu l-Ewkaristija qegħdin nirċievu qawwa spiritwali kbira: il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu f’att ta’ mħabba meta, kif għedna fil-bidu l-Knisja tfakkarna f’dik l-espressjoni sabiħa mill-ktieb tal-Apokalissi, l-aħħar ktieb tal-Bibbja: “henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-ħaruf jew għall-ikla tal-ħaruf” (Apok 19:9). Qed tgħidilna: henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-imħabba. Aħna sfortunatament fit-traduzzjonijiet tal-lingwi moderni     insejna l-kelma ‘tieġ’ għax l-Apokalissi hekk jgħid: “l-ikla tat-tieġ tal-ħaruf” – ikla ta’ mħabba.

Bħalma għamlu l-ħbieb tagħna Sara u Tobija. Tikkommovini ħafna l-istedina ta’ missierha li jgħidlu: “kul u ixrob” (Tob 7:11) għax jgħid dan almenu jekk se jmut, ikun kiel u xorob sew; “kul u oxrob” imbagħad naraw għax is-sebgħa ta’qablek mietu allura qallu: “inti l-ewwel kul u ixrob”, almenu jgħidlek imut b’żaqqu mimlija u naqra ferħan. U Tobija ta’ bniedem għaref li kien, l-ewwel lejl raqad. Issa kulħadd jifhem li jixtieq hu li jaqbel, imma raqdu, talbu u raqdu, imbagħad ovvjament il-kumplament f’idejn Alla wkoll. Imma hemm din it-talba sabiħa ta’ dawn iż-żewġ miżżewġin friski li jafdaw ħajjithom, il-ħajja tal-imħabba tagħhom f’idejn Alla u Tobija kien jaf li qed jirriskja ħajtu.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-għarajjes tagħna jifhmu wkoll li meta tidħol għaż-żwieġ tkun qed tirriskja ħajtek, mhux għax se toqtlok jew toqtolha inti, waħda minnhom, jew ma jiġikx l-aptit f’xi rabja imma inti qed tagħti ħajtek, qed tirriskja kollox u tajjeb allura titlob naqra lil Alla jgħinek.

Imma din il-kelma “kul u ixrob” hi wkoll stedina sabiħa li jagħmlilna l-Mulej meta naħsbu fl-Ewkaristija. Il-Mulej ukoll qed jgħidilna: ‘ħejjejtilkom mejda tal-imħabba, l-Ewkaristija. Bagħttilkom stedina’. Fl-antik tistieden lil xi ħadd għat-tieġ u ma jmurx kien jinqala’ ġlied kbir bejn il-familji, illum wisq inqas għax jgħidulek iffrankajt rigal. Imma kienet tkun xi ħaġa kbira din li jistiednek xi ħadd u tinjora l-istedina, illum forsi inqas, imma mhux għalkollox.

U l-Mulej jgħidilna: “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-ħaruf”. X’se nirrispondu?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta