Il-Ġimgħa filgħodu, il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-membri tal-Kummissjoni Bibblika Pontifija, immexxija mill-President tagħha l-Arċisqof Gerhard Ludwig Muller – Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Dan seħħ fi tmiem l-assemplea plenarja annwali bit-tema ‘L-ispirazzjoni u l-verita fil-Bibbja’.
Fl-indirizz tiegħu, Franġisku qal li din it-tema ma taffetwax biss lil min jemmen individwalment, imma lill-Knisja kollha, għax il-ħajja u l-missjoni tal-Knisja huma msejsa fuq il-Kelma t’Alla, li qal li hi r-ruħ tat-teoloġija u l-ispirazzjoni tal-eżistenza nisranija. Il-Papa tkellem dwar il-ħtieġa tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-proċess ta’ fehim tal-Kelma t’Alla. Kien f’dan il-waqt li ġedded il-ħsibijiet tal-Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum tal-Konċilju Vatikan II u spjega l-piż tal-ġudizzju tal-Knisja fil-proċess ta’ interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa.
Intant, il-Ġimgħa wkoll il-Papa ltaqa’ mal-istaff tas-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan.