Nhar it-Tnejn, 22 ta’ Novembru, tiftaħ ir-raba’ edizzjoni tal-Forum taż-Żgħażagħ li se jsir fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, fis-7:00 p.m. It-tema ta’ din is-sena ‘Keepitreal’ tinvestiga l-impatt soċjali tal-meżżi ta’ komunikazzjoni li qed jinħolqu permezz tal-internet bħal social networks, Instant Messaging u blogs.
Tliet riċerkaturi ta’ dan il-qasam se jitkellmu dwar il-mekkaniżmi bażiċi wara dawn il-meżżi biex jgħinu r-riflessjoni taż-żghażagħ. Ms Karen Bishop, Mr Alex Grech u Rev. Prof. Saviour Chircop ser jiftgħu dawl fuq il-bidliet fir-relazzjonijiet personali, fl-interazzjoni soċjali u fil-kunċett sħiħ ta’ ‘parteċipazzjoni’.
Wara din l-attivita’, iż-żgħażagħ bħala protagonisti ewlenin, se jingħataw l-opportunità li jaqsmu u jiddiskutu l-perspettivi tagħhom dwar il-bidla li qed iġibu dawn il-meżżi ta’ komunikazzjoni relattivament ġodda. L-opinjonijiet tagħhom se jinġabru f’memorandum li jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet tal-Knisja u tal-iStat.
Organiżżat mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ), il-Forum taż-Żgħażagħ huwa eżerċizzju li jgħin liż-żgħażagħ jiffurmaw u jesprimu opinjonijiet fuq kwistjonijiet soċjali importanti. Il-fora li saru s’issa pproduċew dokumenti interessanti li jifhmu l-ħsieb taż-żgħażagħ u li offrew proposti konkreti indirizzati lejn entitajiet ekklezjastiċi u politiċi. Parteċipazzjoni għall-forum hija bla ħlas.