Illum waranofsinhar il-Papa Franġisku se jkun l-ewwel Papa fl-istorja li se jipparteċipa fis-Summit tal-G7, li qed jinżamm bħalissa fil-belt ta’ Borgo Egnazia, fir-reġjun Taljan tal-Puglia.
Stqarrija tal-Vatikan qalet li l-intervent tiegħu se jsir fis-Sessjoni ddedikata lill-Intelliġenza Artifiċjali (AI), tema li anki l-Knisja qed tħares lejha b’interess u serjetà.
Il-Grupp tal-aktar seba’ pajjiżi influwenti fid-dinja, taħt il-presidenza tal-Italja, qed jiltaqa’ bejn it-13 u l-15 ta’ Ġunju. Flimkien mal-Istati Uniti, il-Kanada, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Ġappun, fuq stedina tal-Italja qed jingħaqdu wkoll il-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mexxejja ta’ numru ta’ Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħra.
Il-programm tal-Papa
Il-Papa ħalla l-Vatikan bil-ħelikopter fil-11am, u ġie milqugħ f’Borgo Egnazia mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni, fejn ittieħed b’karozza lejn il-post fejn qed jinżamm is-Summit għall-ewwel sett ta’ laqgħat bilaterali ma’ Kristalina Georgieva, Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, mal-President Franċiż Emmanuel Macron, u mal-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau.
Id-diskors tal-Papa hu skedat għas-2.15pm, fis-‘Sala Arena’. Wara li jkun sema’ l-interventi l-oħra u jittieħed ritratt tal-grupp, huwa jkollu t-tieni sett ta’ laqgħat bilaterali mal-President tal-Kenya William Samoei Ruto, il-Priministru tal-Indja Narendra Modi, il-President tal-Istati Uniti Joseph Biden, il-President tal-Brażil Luiz Inácio Lula da Silva, il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdoğan, u l-President tal-Alġerija Abdelmadjid Tebboune.
Il-Papa jasal lura l-Vatikan għall-ħabta tat-7.45pm.
Sors: Newsbook Malta