• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, Ħal Lija

    11 ta’ Mejju 2019

    “Urina…lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.” Hi din it-talba li nagħmlu lill-Madonna fis-Salve Regina. Hi din it-talba li tiġini f’moħħi meta nħares lejn din il-pittura sabiħa tal-Madonna tal-Mirakli.

    Hekk qed tagħmel Marija: qed turina lil Ġesù, il-frott imbierek tal-ġuf tagħha. Nixtieq li llum nitfgħu ħarsitna lejn din ix-xena ta’ Marija li turina lil Ġesù, u minnha nitgħallmu dak li tassew jiswa għal ħajjitna.


    Il-festa tal-Omm

    Marija hija Omm. Hi tassew f’waqtha li din il-festa hawnhekk qed niċċelebrawha lejlet Jum l-Omm. Dak kollu sabiħ li nafu fil-ħajja fuq l-omm narawh b’mod speċjali f’Marija.

    Ommi għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem snin ilu, imma meta niftakar fiha ma niqafx inħoss fija l-imħabba, l-għożża, l-għotja sħiħa u bla kundizzjoni, il-protezzjoni f’kull waqt tal-ħajja. Ommi għenitni nifhem aktar lil din l-Omm ta’ Ġesù. Kien fuq is-salib, fil-waqt tal-akbar għotja, li tahielna biex tkun Omm ta’ kull wieħed u waħda minna.

    Tahielna biex tkun l-Omm li timxi magħna fil-vjaġġ tal-ħajja, li tħobbna, li ssostnina, li tipproteġina. L-intuwizzjoni sabiħa tal-Gran Mastru u tal-Isqof ta’ Malta snin ilu, fl-1743, kienet li x-xbieha tal-Madonna li kellha l-għaraq iġelben magħha kienet tfisser il-Madonna li qed tipproteġi l-ħajja tan-nies “minn għawġ aħrax”, kif hemm imniżżel fil-lapida, jiġfieri mill-ħsara tat-theżżiża kbira li nħasset f’Malta. Għalhekk sejħulha l-Madonna tal-Mirakli.

    Illum il-Madonna tal-Mirakli, hi u turina lil Ġesù, tfakkarna li l-akbar miraklu hu l-frott imbierek tal-ġuf tagħha.

    Lil din l-Omm nitolbuha llum għall-ommijiet biex dejjem jgħożżu l-miraklu tal-frott imbierek tal-ġuf tagħhom, il-ħajja umana mnissla fihom. Nitolbuha għall-ommijiet li ħafna drabi b’għaraq iġelben ma’ ħaddejhom, b’sagrifiċċji personali u fil-ħemda tal-ħajja ta’ kuljum qed jaqdu din il-vokazzjoni sabiħa ta’ omm. Nitolbuha biex tgħinhom ħalli qatt ma jaqtgħu qalbhom f’din il-missjoni li għandhom, u biex isibu apprezzament u gratitudni f’uliedhom. Nitolbuha għal dawk li jixtiequ jsiru ommijiet u ma rnexxilhomx. Nitolbuha għal dawk l-ommijiet li bħalha sofrew it-telfa ta’ xi ħadd minn uliedhom u qed iħossu l-vojt li ma jimtelhiex, biex f’Marija jsibu l-Omm li tifhimhom u tfarraġhom.

    Nitolbu wkoll lil Marija għalina lkoll biex tipproteġina u tkun magħna. Nitolbuha b’mod speċjali biex dawk kollha li huma waħedhom u qed ibatu s-solitudni tal-ħajja – dan l-aħħar ħareġ studju li juri li hi problema mifruxa ħafna fostna – isibu f’Marija dik li tgħinhom ma jitgħaffġux taħt il-piż tan-niket u d-dwejjaq li jħossu. Anzi tkun hi li turihom lil Gesu li jinsab dejjem magħna u li qed isejjaħ lilna lkoll biex nkunu ta’ wens għall-oħrajn.


    L-Omm li turina lil Ġesù

    Il-pittura tal-Madonna tal-Mirakli toħroġ il-karatteristika ta’ Marija – dik li turina lil Ġesù. Dan narawh dejjem fil-ħajja ta’ Marija – qatt ma hi fiċ-ċentru tal-attenzjoni, jew timbotta b’xi mod lilha nnifisha biex tidher. Hi turina lejn min għandna nħarsu, wara min għandna nimxu, lil min għandna nqisu bħala Salvatur tagħna. Hi dejjem twassalna għand Ġesù.

    Mill-ewwel mument meta dehrilha l-anġlu Gabriel, u għarfet li hu wasslilha s-sejħa ta’ Alla li tnissel fi ħdanha, hi fetħet ħajjitha għal Ġesù u qalet “hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek”. L-ikbar miraklu seħħ dak il-ħin, meta Ġesù daħal f’ħajjitha. U Marija għexet dejjem dan il-kliem li lissnet fil-bidu. L-aħħar kliem li qalet hi li nsibu fl-Evanġelju, fit-tieġ ta’ Kana, huwa kliem tant prezzjuż: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu.”

    Hu dan il-messaġġ siewi li tagħtina bħala Omm: agħmlu dak li jgħidilkom Hu. Hu dan li f’ħajjitna jgħinna nintrabtu ma’ dak li l-aktar jiswa. Illum, f’ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja, jista’ jidher qisu miraklu biex nagħmlu dak li jgħidilna Hu għax imur kontra l-kurrent ta’ madwarna. Imma l-Madonna tal-Mirakli tgħinna f’dan ukoll.


    Dak ismek sabiħ

    Matul dan ix-xahar, aħna nkantaw l-innu sabiħ ta’ Dun Karm Psaila: “Fil-ħlewwa ta’ Mejju, Omm tagħna Marija, O kemm idoqq ħlejju dak ismek sabiħ!” Illum nfaħħru flimkien lil Marija f’din il-festa ta’ din l-Omm għażiża. Isimha hu sabiħ, u aħna rridu dejjem inlissnuh b’dik l-imħabba li jkollna f’qalbna meta niftakru f’ommna. Nitolbu lil din l-Omm għażiża biex tkun magħna f’ħajjitna, tkompli tħarisna, u tgħinna bħalha ngħożżu dejjem il-frott imbierek tal-ġuf tagħha.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju