L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Min kien qiegħed fil-ġrajja ta’ Ġesù msallab, u ħares lejh fuq is-salib, żgur li laqtitu l-kitba li kien hemm fuq is-salib, in-naħa ta’ fuq rasu, li kienet tgħid: “Dan hu s-sultan tal-Lhud” (Lq 23:38). Naħseb li diversi għaddielhom minn moħħhom li min poġġa dik il-kitba fuq xi ħadd li qed imut fuq is-salib jew ried jgħaddi n-nies biż-żmien u jidħaq bin-nies, jew inkella ried iwassal messaġġ. Xi ħadd, imdendel fuq salib, qed imut, tiktiblu li hu sultan? Mela jekk dak hu sultan, imsallab u qed imut, x’jiġrilu min mhuwiex?
Aħna nafu li fil-fatt, Kristu msallab hu sultan, imma hu sultan mhux biss tal-Lhud, imma ta’ kulħadd, tal-univers u tal-istorja. Anke jekk min waħħal dik il-kitba ma kellux dan f’moħħu, imma fil-fatt Ġesù hu tassew sultan – u sultan tal-ħolqien kollu.
Kristu msallab hu s-sultan
X’ifisser Kristu sultan jew re? Illum l-idea ta’ re m’għadhiex l-istess bħal żmien ilu. F’ħafna postijiet ma jeżistix re, hemm sistemi oħra ta’ tmexxija; u fejn jeżisti, dan aktarx m’għandux xi poter speċjali imma hu aktar figura simbolika u għaċ-ċerimonji milli għal ħaġa oħra.
Għalhekk, meta nitkellmu fuq Kristu Re, irridu nfittxu t-tifsira mhux fil-mod kif nifhmu t-titlu ta’ re illum, imma pjuttost fil-kelma ta’ Alla, x’tgħidilna fuqu. Id-differenza narawha ċara meta nħarsu lejn il-kuruna li hemm taħt l-artal fil-knisja llum, u nħarsu lejn Kristu msallab. Il-kuruna hi l-idea tagħna ta’ sultan, imma biex nifhmu lil Kristu sultan irridu mmorru għal Kristu msallab. Din hi l-qabża li rridu nagħmlu.
L-ikbar turija ta’ x’jiġifieri Kristu sultan huwa proprju Ġesù fuq is-salib, fl-aqwa mument ta’ sagrifiċċju, meta qed jagħti ħajtu għalina. Proprju hemm li hu ċ-ċentru tal-istorja u tal-univers. Hemm, fejn hemm il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja, għal ħajja ġdida. Għalhekk, tajjeb nistaqsu: x’tip ta’ re huwa Ġesu Kristu ?
Il-ħajja li tingħata
Huwa re li jagħti ħajtu biex lilna jsalvana. Is-suldati u l-kapijiet bdew jgħadduh biż-żufjett, u bdew jgħidu: “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu…” (Lq 23:35). Ma setgħux jifhmu kif Ġesù salva lill-oħrajn għax ma fittixx li jsalva lilu nnifsu, għax ried jagħti ħajtu. Gesù fuq is-salib jurina, għalhekk, li t-triq tas-servizz, li tagħti ħajtek, hi l-unika triq li twassalna biex ikollna sehem mis-saltna tiegħu. Dan hu li wriena fl-Aħħar Ċena, meta waqqaf l-Ewkaristija, bl-istess kliem li ngħidu f’kull quddiesa: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom”. Hekk għamel fuq is-salib, u din hi l-ikbar tifsira ta’ Kristu sultan: ta ħajtu għalina. Dan hu l-istil ta’ ħajtu, u l-istedina li jagħmlilna hu biex ikollna dan l-istil tal-ħajja tiegħu li jgħinna biex ikollna sehem sħiħ mis-saltna tiegħu.
Il-verità li nistgħu naċċettaw jew nirrifjutaw
X’tip ta’ re? Huwa re li jbati sal-aħħar għall-verità, imma ma jimponihiex. Ġesù f’ħajtu kollha tant għallem, u qalilna affarijiet li huma utli għalina, imma qatt ma fittex li jisforza t-tagħlim tiegħu fuqna. Hu re fuq is-salib biex aħna, kull wieħed u waħda minna, inkunu nistgħu nagħmlu l-għażla tiegħu b’mod liberu. Nistgħu jew naċċettawh jew nirrifjutawh. Kristu fuq is-salib hu l-kontra ta’ min jipprova jiddomina fuq ħaddieħor. Hu qatt ma jġiegħel lil ħadd; imma kontinwament isejħilna biex nagħżluh. Meta kien hemm diversi nies jinsultentawh, hu baqa’ hemm. Ma niżilx biex isikkithom. Lilna jagħmlilna proposta: f’idejna naċċettawx. Jekk naċċettawh, inkunu nagħżlu dak li hu ta’ ġid għalina, jekk nirrifjutawh, aħna nbatu.
L-imħabba li tagħti ħajja ġdida
X’tip ta’ re? Ġesù msallab jidher tellief fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Qed jinqatel, qed jiġi meqrud, jidher tellief. Imma aħna nafu li ma kienx hekk. Kien proprju fil-mument meta deher l-aktar tellief, qisu tilef kollox, li kien qed jikseb ħajja ġdida. U kiseb ħajja ġdida anke għal ħaddieħor: fi djalogu ma’ dak li kien imsallab ħdejh, u li qallu “ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek”, Ġesù wieġbu: “tassew, ngħidlek, illum tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23:41-42). Ġesù jurina li f’ħajjitna, jekk aħna nħobbu u nimxu fuq l-eżempju tiegħu, kemm-il darba se nidhru telliefa, bla sens. Imma fil-fatt bl-imħabba nkunu qed niksbu ħajja ġdida. Hekk biss ikollna sehem mis-saltna tiegħu. Dan hu l-istil ta’ Gesù.
Tiġi saltnatek
Ftit ieħor, waqt talba fil-quddiesa, se ngħidu li s-saltna ta’ Ġesù hi “Saltna ta’ verità u ta’ ħajja, ta’ qdusija u grazzja, ta’ ġustizzja, imħabba u sliem” (Prefazju ta’ Kristu Rè). Dal-kliem mhux xi stħajjil jew ħolma, imma jsir realtà meta aħna nħarsu lejn Ġesù fuq is-salib, u meta jkollna lil Ġesù bħala r-re tagħna, u ngħixu l-istess stil ta’ ħajja li wriena hu.
Nitolbuh li kull darba li ngħidu “Tiġi saltnatek”, aħna niftakru f’dan l-ispirtu tiegħu u nitolbuh jgħinna jkollna sehem ħaj minn din is-saltna tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju