Filmat: Miguela Xuereb
L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex inġibu quddiem għajnejna l-emigranti Maltin f’pajjiżi oħra meta niġu biex nilqgħu l-immigranti f’Malta.
F’intervista fuq il-programm Għal Kulħadd ma’ Christine Delicata li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u nofsinhar fuq RTK103, Mons.Scicluna tkellem dwar il-ħaddiema barranin f’Malta u sostna li daqs kemm nittrattaw tajjeb lil ħutna Maltin, nagħmlu l-istess lil ħutna l-barranin.
“Jien stess imwieled il-Kanada minn ġenituri emigranti. Il-qraba tagħna stess għaddew mill-esperjenza sabiex jidhraw il-ħajja f’pajjiż ġdid”, semma l-Arċisqof li tkellem dwar kif tgħammed f’Toronto.
Hu tenna li esperjenzi bħal dawn kienu simili għal dawk ta’ ħafna familji Maltin oħra li emigraw f’pajjiżi oħra u appella biex ma ninsewx dawn il-mumenti diffiċli meta, bħala Maltin, naffaċċjaw l-immigranti fil-pajjiż.
Irrimarka li kulħadd f’Malta għandu xi qarib li għadda mill-esperjenza tal-immigrazzjoni.
L-Arċisqof qal li kwalunkwe prinċipji tad-dinjità tal-bniedem għandhom jiġu fuq quddiem meta tittieħed deċiżjoni dwar l-immigranti f’Malta.
Dawn il-prinċipji huma tlieta: li meta nilqgħuhom fostna, għandna ngħamlu dan a bażi ta’ regoli u kundizzjonijiet ċari, li jkollhom bażi leġali u li nirrispettaw id-dinjità tal-bniedem.
Appella wkoll biex jekk immigrant iwettaq reat, “ma jeħilx kulħadd miegħu” u tenna li l-ebda ħaddiem m’għandu jitħallas inqas għax huwa barrani.
Faħħar l-unjins li jaqbżu għall-ħaddiema, kemm Maltin u barranin, u tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar ugwaljanza ta’ kif jitħallsu l-ħaddiema.
“Bħala l-Knisja għandna d-dover inkunu trasparenti bi flusna”
L-Arċisqof saħaq li l-flus tal-Knisja jiġu mid-donazzjonijiet tal-poplu u l-investimenti tad-Djoċesi u għaldaqstant, iħoss li l-Knisja għandha dover tkun trasparenti mal-poplu.
Dan ifisser ukoll li l-Knisja għandha d-dover li tutilizza l-aħjar ir-riżorsi tagħha, bl-Arċisqof isemmi kif id-djar residenzjali għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità joperaw bl-aħjar standards.
“Mhux qegħdin hemm biex nagħmlu profitt bil-flus imma qed nagħmlu profitt bl-għajnuna li nagħtu lil min hu fil-bżonn”, tenna l-Arċisqof li ta eżempju ta’ kif il-Knisja qed tiffoka fuq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa li tgħin lill-ambjent.
L-Arċisqof qal li l-kultura ta’ ħajja ma torbotx biss mat-twelid u l-mewt iżda torbot ukoll mal-mod kif naħdmu, kif niddevertu u ngħixu ħajjitna.
“Dan għaliex għandna nieħdu ħsieb l-ambjent għaliex għandu effetti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna”, żied jgħid l-Arċisqof.
“Mill-kliem nimxu għall-azzjoni sabiex kulħadd igawdi mid-dinjità li ħaqqu”
Mistoqsi dwar kif il-Knisja tat propjetà tagħha ta’ €25 miljun lill-Malta Trust Foundation sabiex isservi ta’ ċentru għat-tfal b’diżabilità, l-Arċisqof irrimarka li proġett bħal dan jurih kemm għandna bżonn lil xulxin biex inwettqu l-ġid.
Hu semma li dan il-bini għandu potenzjal kbir u mill-kliem nimxu għall-azzjoni sabiex kulħadd igawdi mid-dinjità li ħaqqu.
Fl-intervent tagħha, il-President Emeritu u ċ-chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-Arċisqof għall-ħidma tiegħu biex Dar Saura tgħaddi għand il-fondazzjoni sabiex isservi bħala ċentru għat-tfal b’diżabilità.
Hi qalet li proġett bħal dan juri li l-ħidma soċjali tal-Knisja għadha waħda b’saħħitha u li, irrispettivament mill-valur tal-bini nnifsu, se jkun qed jintuża għal skop ġust.
“It-tagħlim soċjali tal-Knisja nieħduh kullimkien u b’hekk, bħala Malta Trust Foundation, nemmnu fid-drittijiet bażiċi ta’ kulħadd”, tenniet Coleiro Preca.
Segwi l-intervista sħiħa hawn.
Sors: Newsbook Malta