L-Arċidjoċesi ta’ Malta u Care Malta ffirmaw ftehim sabiex Dar Sant’Anna fl-Isla tiġi rrestawrata biex ’il quddiem tilqa’ tfal minn ambjenti soċjali diffiċli li jkollhom bżonn protezzjoni u wens. Dan il-proġett soċjali ġie identifikat mill-parroċċa tal-Isla u se jitmexxa minn Care Malta. Sa ftit snin ilu din id-dar kienet tilqa’ lill-anzjani.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u minn Nazzareno Vassallo u Natalie Briffa Farrugia f’isem Care Malta. Preżenti wkoll l-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri.
F’isem l-Arċisqof Charles Scicluna, Michael Pace Ross qal li din hija inizjattiva oħra fejn il-Knisja qed tuża proprjetà tagħha għal għan soċjali. Irringrazzja lil Care Malta ta’ dan l-impenn li daħlet għalih u li permezz tiegħu se jibbenefikaw persuni vulnerabbli li huma qrib ħafna l-qalb tal-Knisja.
Dar Sant’Anna tmur lura sas-sena 1794, meta Nicolò Dingli u martu Madalena Cornelio ħallew b’testment id-dar tagħhom fix-Xatt tal-Isla, li kellha oratorju, biex tinbidel fi sptar għan-nisa anzjani, foqra u b’diżabbilità. Eventwalment, din saret magħrufa bħala ‘Ospizio Sant’Anna’. Fl-1817, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Malta, il-Kanonku Dun Xmun Biagio, bierek l-ospizju u sentejn wara d-dar laqgħet l-ewwel residenti tagħha.
Fl-1898, is-Sorijiet Terzjarji Franġiskani bdew jagħtu s-servizz tagħhom f’din id-dar, li dam għaddej għal aktar minn 80 sena. Fil-bidu tas-snin tmenin id-dar twaqqgħet biex inbniet id-dar li hemm illum u li ġiet inawgurata mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit-30 ta’ Ġunju 1987. Dar Sant’Anna waqfet tintuża bħala dar għall-anzjani fl-2019.