Il‑Kurja tal‑Arċisqof iffirmat ftehim mad‑Direttorat tar‑Restawr tal-Gvern li se jwassal għar‑restawr tal‑Knisja l‑Qadima ta’ Birkirkara permezz ta’ fondi pubbliċi, wara li jsiru l‑istudji u t‑testijiet ġeotekniċi meħtieġa ffinanzjati mill‑Knisja. Il‑ftehim ġie ffirmat illum minn Roberto Buontempo, Kap tal‑Propjetà tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u Norbert Gatt mid‑Direttorat tar‑Restawr.
Waqt l‑iffirmar tal‑ftehim li sar fl‑istess knisja, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross qal li l‑Kurja tal‑Arċisqof ikkummissjonat inġinier ġeotekniku biex jagħmel l‑istudji neċessarji u joħroġ b’soluzzjoni li tindirizza l‑kwistjoni ta’ instabbiltà fil‑bini ta’ din il‑knisja partikolari. Ir‑riżultati tat‑testijiet u l‑lista ta’ interventi ta’ dawn l‑istudji se jiġu mgħoddija lill‑Gvern biex wara ssir sejħa pubblika għax‑xogħol ta’ restawr fuq il‑bini tal‑knisja li se jiġi ffinanzjat mill‑Gvern.
Is‑Sur Pace Ross f’isem l-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill‑Ministru Josè Herrera li hu responsabbli mill‑wirt nazzjonali, u qal li x‑xogħlijiet fuq il‑knisja għandhom jitlestew sal‑2024. Fisser kif dan il‑proġett ser jimmarka mument storiku importanti fil‑ħarsien ta’ dan il‑patrimonju għall‑ġenerazzjonijiet futuri.
Il‑Kappillan Dun Reuben Deguara semma’ kif it‑8 ta’ Mejju hi data importanti għal din il‑knisja peress li timmarka l‑15‑il anniversarju mindu saret parroċċa dedikata lil Santa Marija, b’digriet mill‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Il‑knisja nbniet fis‑seklu 17 fuq disinn rinaxximentali attribwit lill‑periti Vittorio Cassar u Tommaso Dingli. Fis‑seklu 19 ġarrbet ħsarat estensivi fis‑saqaf u l‑koppla li ġew restawrati f’nofs is‑seklu 20. Il‑knisja ġiet skedata bħala monument nazzjonali tal‑ewwel grad u hi mniżżla fl‑Inventarju Nazzjonali tal‑Propjetà Kulturali tal‑Gżejjer Maltin.