-
Bidu tal-Ġublew tal-Ħniena mniedi mill-Papa Franġisku
Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina, fil-bidu tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fil-Knisja f’Malta. Dan wara li fit-8 ta’ Diċembru 2015, Festa tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija, il-Papa Franġisku se jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Knisja f’Malta tibda fil-5:30 p.m., fil-Knisja ta’ San Mark, ir-Rabat, fejn l-Arċisqof isellem lill-kongregazzjoni, jinqara l-Evanġelju tal-Ħniena (Lq 15:1-7) u tinqara wkoll silta mill-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Din il-Bolla, bl-isem “Il-Wiċċ tal-Ħniena”, hija d-dokument uffiċjali li permezz tiegħu l-Papa Franġisku nieda l-Ġublew tal-Ħniena.
Iċ-ċelebrazzjoni tkompli b’purċissjoni bis-sehem tas-saċerdoti, r-reliġjużi u dawk kollha preżenti, lejn il-Katidral tal-Imdina, fejn hemmhekk jinfetaħ il-Bieb tal-Ħniena minn Monsinjur Arċisqof, u ssir Quddiesa fil-Katidral stess. Fil-bidu tal-Quddiesa jsir it-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija u jsir it-tberik tan-nies bl-ilma. L-Arċisqof ser iwassal il-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni, u lejn tmiem il-Quddiesa se jħabbar żewġ knejjes oħra f’Malta li fihom se jkun hemm ukoll Bieb tal-Ħniena matul il-Ġublew tal-Ħniena li jintemm fl-20 ta’ Novembru 2016.