• Il‑Knisja f’Malta se tagħti bidu għall‑kawża tal‑beatifikazzjoni u l‑kanonizzazzjoni tal‑Qaddej ta’ Alla, Bro. Louis Camilleri F.S.C. Dan wara li l‑Arċisqof Charles J. Scicluna laqa’ t‑talba ta’ Bro. Rodolfo Cosimo Meoli, Postulatur Ġenerali tal‑Ordni tal‑Aħwa tal‑Iskejjel Insara, biex jitwaqqaf tribunal li jisma’ l‑kawża tiegħu. Dan se jsir nhar il‑Ħadd, 31 ta’ Marzu 2019, fil‑11:00 a.m, waqt ċelebrazzjoni u Quddiessa mmexxija mill‑Arċisqof fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il‑ftuħ tal‑kawża hu meqjus bħala l‑ewwel seduta tat‑tribunal li jagħti bidu għall‑proċess djoċesan.

       

  • Bro. Louis Camilleri twieled iż‑Żurrieq fl‑1 ta’ Settembru 1923. Ta’ 14‑il sena ssieħeb mal‑Brothers ta’ De La Salle. Hu ħalla Malta biex ikompli l‑istudji u I‑formazzjoni reliġjuża fi Franza minkejja ċ‑ċirkustanzi diffiċli tat‑Tieni Gwerra Dinjija. F’Ħadd il‑Għid tal‑1948 ħa l‑aħħar voti u rritorna fil‑Kulleġġ De La Salle fil‑Birgu.

    Bro. Louis ddedika ħajtu għall‑edukazzjoni Nisranija b’mod speċjali fil‑Kulleġġ ta’ De La Salle u f’dak ta’ Stella Maris fejn kien strumentali fit‑tagħlim ta’ suġġetti ġodda u innovattivi, u kien dejjem aġġornat fil‑qasam edukattiv. Fil‑bidu tat‑tmeninijiet huwa kien ukoll provinċjal tas‑sottoprovinċja ta’ Malta.

    Fil‑ħajja tiegħu ta’ reliġjuż ikkonsagrat spikkaw il‑virtujiet tal‑umiltà, tal‑modestja, taż‑żelu u tal‑ħniena, tant li kien punt ta’ referenza u gwida spiritwali għal ħafna nies, b’mod speċjali żgħażagħ. Filfatt jibqa’ mfakkar minn ġenerazzjonijiet ta’ għalliema, ġenituri u studenti li kienu influwenzati minnu kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq livell spiritwali.

    Bro. Louis baqa’ attiv sal‑aħħar jiem ta’ ħajtu billi ddedika ħinu jorganizza rtiri, laqgħat mal‑istudenti u koppji miżżewġin. Fuq livell istituttiv, jibqa’ magħruf għat‑twaqqif tal‑fraternità Signum Fidei. Huwa għadda għall‑ħajja ta’ dejjem fid‑29 ta’ Mejju 2011 fl‑età ta’ 87 sena.

    Kull min għandu xi tagħrif jew materjal — l-iktar materjal stampat u ittri — dwar Brother Louis Camilleri għandu jgħaddih lill‑Kanċellerija tat‑Tribunal Metropolitan tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, il‑Belt Valletta.