Il‑Ministeru għall‑Edukazzjoni u x-Xogħol illum ħabbar li fl‑iskejjel tal‑istat, l‑edukaturi se jirritornaw fit-28 ta’ Settembru u li l‑istudenti tal‑età obbligatorja, jiġifieri studenti tal‑iskejjel primarji u sekondarji, se jirritornaw mis‑7 sal‑14 ta’ Ottubru. Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija rċieva wkoll talba mill‑Malta Union of Teachers biex isegwi l‑istess direzzjoni.
Ġie deċiż li l‑edukaturi tal‑iskejjel tal‑Knisja jirritornaw fl‑iskola tagħhom mid‑data li diġà kienet stabbilixxiet l‑iskola. Fiż‑żmien sakemm l‑istudenti jirritornaw l‑iskola, l‑edukaturi għandhom jiffamiljariżaw ruħħom mal‑protokolli li se jintużaw u jkomplu bil preparazzjoni u t‑taħriġ tagħhom għas‑sena skolastika. It‑tmexxija ta’ kull skola se tagħti direzzjoni dwar dawn il‑jiem u se tfassal pjan kif l‑istudenti se jidħlu l‑iskola bejn is‑7 u l‑14 ta’ Ottubru. Mhux ser ikun jista’ jsir tagħlim online sas‑6 ta’ Ottubru. Dan huwa skont id‑direzzjoni maħruġa mill‑Ministeru tal‑Edukazzjoni u x‑Xogħol u l‑MUT.
Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija jiddispjaċih ta’ dan l‑inkonvenjent li nħoloq f’dan iż-żmien diffiċli. Jittama li din id-deċiżjoni li ttieħdet biex tħares is‑saħħa u s‑sigurtà tal‑persuni involuti, tkun ta’ ġid għal kulħadd.