Il-Papa Benedittu XVI ilbieraħ iċċelebra l-ewkaristija fil-Bażilika San Pietru fil-Vatikan sabiex għalaq iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena liturġika bit-tifkira ta’ Kristu Sultan. Jikkonċelebraw mal-Papa kienu s-sitt Kardinali l-ġodda li rċevew minn idejn il-Papa l-mitra f’konċistorju nhar is-Sibt li għadda.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa qal lill-Kardinali l-ġodda li huma kellhom ir-responsabbilta li jassiguraw li s-Saltna t’Alla tkun magħrufa mad-dinja – mhux saltna ta’ poter politiku li jinkiseb mill-armi u l-vjolenza, imma saltna ta’ verita, imħabba u servizz.
Il-Papa qal li ta’ kuljum insemmu s-saltna fit-talba tal-Missierna bil-kliem ‘Tiġi Saltnatek’; inkunu effettivament qed ngħidu lil Ġesu biex jagħmilna tiegħu, biex jgħammar fina, biex jiġbor l-umanita sofferenti u mfixkla, sabiex fih kollox ikun soġġett għall-Missier kollu tjieba u ħniena.
Iżjed tard wara ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, il-Papa talab it-talba tal-Angelus ma’ dawk kollha miġbura u appella sabiex isir sforz minn kulħadd biex il-ħidma ta’ salvazzjoni minn Alla tinżamm ħajja billi kulħadd jersaq lejn il-vanġelu ta’ Kristu, billi kulħadd jimxi fuq il-passi ta’ Kristu Sultan, li ma ġiex biex iservi imma biex jaqdi u jagħti xiehda għall-verita.