Fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il‑poplu tal‑Ukrajna li bħalissa għaddej minn tbatija kbira minħabba l‑gwerra. Din hi waħda mill‑inizjattivi li l‑Knisja f’Malta qed tieħu biex tgħin lill‑poplu Ukren.
Madwar tliet miljun persuna Ukrena għandhom bżonn għajnuna umanitarja wara l‑attakki mir‑Russja li bdew fl‑24 ta’ Frar. L‑attakki mill‑armata Russa għamlu diversi ħsarat f’diversi bliet fil‑Lvant tal‑Ukrajna, fosthom fil‑kapitali Kiev, fejn ġew ibbumbardjati djar, appartamenti, sptarijiet u skejjel.
Caritas Malta qed tappella għad‑donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l‑assistenza tant meħtieġa f’dan il‑pajjiż.
L‑għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall‑iġene personali. Se tingħata wkoll għajnuna lill‑persuni vulnerabbli sabiex jingħaqdu mal‑qraba tagħhom li jinsabu f’żoni siguri filwaqt li qed jinħolqu wkoll spazji rikreattivi għat‑tfal. Dan biex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fi sports u attivitajiet li jtaffu ftit mit‑tbatija psikoloġika li għaddejjin minnha.
Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jibgħat ċekk pagabbli lill‑Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il‑Ħamrun, ĦMR 1577. Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill‑kappillani fil‑parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta.
Jistgħu jiġu depożitati wkoll donazzjonijiet ta’ flus f’dawn il‑kontijiet bankarji:
HSBC MT22MMEB44897000000089021513051
BOV MT78VALL22013000000040023270071
APS MT31APSB77046000489010489011015
Id‑donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll online fuq www.caritas.org/ukraine‑appeal‑22.
Fl‑aħħar jiem, il‑Papa Franġisku appella diversi drabi għat‑talb u l‑paċi fl‑Ukrajna. L‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi jingħaqdu fl‑appell tal‑Papa Franġisku u jistiednu lill‑Insara f’Malta biex filwaqt li jitolbu għall‑Ukrajna, ikunu ġenerużi bid‑donazzjonijiet tagħhom b’risq dawk li qed ibatu.
Min jixtieq iktar informazzjoni dwar kif jista’ jgħin lill‑poplu Ukren jista’ jċempel fuq 22199000.