L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan il-kapitlu sabiħ, il-kapitlu 6 ta’ San Ġwann f’diskors li Ġesù jagħmel fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, il-belt adottiva tiegħu fuq ix-xatt ta’ l-għadira tal-Galilija, il-baħar tal-Galilija u ta’ Tiberijade, il-Mulej juża x-xbieha tal-ħobż biex jitkellem fuqu nifsu. Lejn l-aħħar ta’ dan id-diskors sabiħ, Ġesù jitkellem ukoll fuqu nnifsu bħala l-Ewkaristija.
F’dan il-mument Ġesù jitkellem dwar il-persuna tiegħu, it-tagħlim tiegħu bħala l-ħobż tal-ħajja. Jitkellem ukoll dwar il-ġuħ u l-għatx li għandna aħna. Il-ġuħ u l-għatx jikkorrispondu għall-iżjed istint qawwi fil-bniedem. Fil-fatt, meta Ġesù jagħti l-barkiet, jitkellem fuq dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja. Il-Papa Franġisku jgħid li l-għatx għall-ġustizzja, il-ġuħ għall-ġustizzja, jikkorrrispondu għall-istint l-iżjed fundamentali tal-bniedem, dak li jġagħalna nibqgħu ngħixu. Bniedem li ma jikolx u ma jixrobx ikun qed jikkundanna lilu nnifsu għall-mewt.
Ġesù qed jipprova jispjegalna li r-relazzjoni tagħna miegħu hija importanti daqs kemm huma importanti għalina l-ikel u x-xorb: “Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx” (Ġw 6:35). Għalissa mhux qed nitkellmu fuq l-Ewkaristija li niċċelebraw fil-quddiesa. Il-Mulej jitkellem fuqha iktar tard fl-Evanġelji li se nisimgħu fil-jiem li ġejjin. Bħalissa qed jitkellem fuq ir-relazzjoni tiegħi, u ta’ kull wieħed u waħda minna, miegħu.
Il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku insista fuq dan il-punt: li l-fidi tagħna mhijiex sensiela ta’ kmandamenti li rrid nittikkjahom; jekk jienx tifel bravu jew tajjeb, jew inkella affarijiet li rrid nemmen jew ritwal li rrid nagħmel. Aħna nitkellmu dwar relazzjoni ħajja ma’ Ġesù ħaj, ma’ Ġesù Rxoxt.
Jekk jiena nersaq lejn Ġesù, allura l-ġuħ tiegħi għall-imħabba jittaffa. Jekk jiena nemmen fih, nafdah u nobdih — għax dan tfisser il-fidi — allura jiena ma nkun qatt bil-għatx. Xi jrid jgħid Ġesù? Li hemm bżonn fija li jiena niltaqa’ miegħu u din hija xi ħaġa li mibgħuta mill-Missier tagħna li huwa l-imħabba. “Il-Missier jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema”. Ġesù, li hu l-ħobż ta’ Alla, “huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja” (Ġw 6:32-33). F’din l-espressjoni Ġesù jitkellem fuq il-misteru tiegħu, tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li huwa l-ħobż ta’ Alla, “dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”.
Aħna s-saċerdoti, qabel it-tqarbin, nitolbu maħfra ta’ dnubietna u nitolbu ’l Mulej li ma jinfiridx minna. Ngħidu: “Inti tajt il-ħajja lid-dinja bil-passjoni u l-mewt tiegħek, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu inti tajt il-ħajja lid-dinja”. Ġesù huwa dan il-ħobż li jibgħat Alla biex itaffi l-ġuħ tal-umanità għall-imħabba, għall-paċi, għat-tjubija, u għas-sbuħija.
Għalhekk, illum nirringrazzjaw ’il Mulej, lill-Missier tas-sema, li tana dan il-ħobż u allura nifhmu iżjed kemm hi profonda dik it-talba li għallimna Ġesù: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6: 11) mhux biss il-ħobż materjali imma huwa Ġesù stess il-ħobż li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 7:51–8, 1a
Salm: 30 (31), 3ċd-4. 6ab u 7b u 8a. 17 u 21ab
Evanġelju: Ġw 6:30-35