L-episodju li għadna kemm smajna hu episodju tant importanti fil-ħajja ta’ Ġesù li nsibuh fl-erba’ evanġelji. Mhux kollox insibu fl-erba’ evanġelji imma hemm ċerti affarijiet bħall-mewt ta’ Ġesù, il-qawmien tiegħu mill-imwiet li huma tant importanti li nsibuhom fl-Evanġelju ta’ San Mattew, ta’ San Mark, ta’ San Luqa u ta’ San Ġwann.

Din is-silta li għadna kemm smajna hi mill-Evanġelju skont San Ġwann. Id-differenza bejn l-evanġelji hi meta jpoġġu dan l-inċident. Ġara żgur, uħud mill-evanġelji jpoġġuh propju qabel il-Ġimgħa l-Kbira, imma l-Evanġelju ta’ San Ġwann differenti mill-evanġelji l-oħra, ipoġġi dan l-inċident ta’ Ġesù li jirrabja ħafna fit-tempju, fil-bidu tat-tliet snin li għamel jgħallem u jfejjaq u jipprietka. Aħna nieħdu ftit is-sinifikat profond. Ġara żgur, eżatt eżatt meta ġara m’aħniex miftehmin fuqu, għax kull evanġelista jużah għal xi skop partikulari.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann li hu l-iżjed wieħed li joqgħod attent ħafna għal meta saru l-affarijiet, għall-kronoloġija, għaż- żmien u l-ħin, jgħidilna dil-ħaġa qisu bdiet il-konflitt kbir bejn Ġesù u l-establishment reliġjuż ta’ żmienu. Aħna faċli noqogħdu ngħidu: x’għarukaża l-Fariżej, x’għarukaża l-Iskribi! Imma l-Evanġelju smajnieh illum ixxandar għalija u għalik. Id-domanda li rridu nagħmlu hi Ġesù x’se jgħid lili llum? Jiena nista’ nitkaża b’dawk li fit-tempju għamlu l-kummerċ imma din il-kelma lili x’tgħidli?

L-ewwel nett ħalli nieħdu silta mill-Evanġelju stess li tispjega għaliex Ġesù għamel li għamel. Daħal fit-tempju, ra l-bejjiegħa u dawk li kienu qegħdin isarrfu l-flus, qabad sawt, beda jaqleb l-imwejjed, insomma qabżitlu kif ngħidu aħna l-Maltin. Irrabja ħafna. Għax aħna għandna idea ta’ Ġesù qisu ħelu ħafna, Ġesù ħelu – kważi tad-dijabete, ngħidlu jien. Imma Ġesù kien ħelu kemm trid u kien qalbu tajba kemm trid u jgħidilna: “isimgħu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” imma kienet taqbiżlu wkoll. U verament għal raġuni.  

Ir-raġuni kienet li ma setax jiflaħ li r-reliġjon issir kummerċ. X’jiġifieri? Li inti tinnegozja ma’ Alla. Meta għallimna nitolbu, Ġesù għallimna ngħidulu hekk lil Missierna: ‘‘Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int” mhux ara ħa nixtrilek xemgħa, ħa nagħmillek ma nafx xiex u imma inti aqdini. Dik nagħmluha aħna bejnietna l-bnedmin. Jiena nixtri xi ħaġa, nagħtik il-flus u inti tagħtini oġġett. U dik kienet il-mentalità tar-reliġjonijiet ta’ żmien Ġesù li prattikament ir-reliġjon kienet kuntratt mal-allat: aħna nagħmlu pellegrinaġġ – għada fostna llum dil-ħaġa – nagħmlu wegħda, imma lil Alla mbagħad irid jaqdina mqar irebbaħni l-lotterija jew jagħmilli xi pjaċir.

Aħna meta konna nistudjaw – ilu ftit –  ikun hemm xi suġġett traskurajtu ftit, imbagħad lejlet l-eżami tibda tagħmel il-wegħdiet mal-qaddisin kollha. Ħabib, forsi tiġik tajba u tgħidilha Santa Rita tal-impossibbli. Jew jiena devot ħafna għax semmewni għalih, għal San Ġuda Taddew, il-Kalkara wkoll hawn devozzjoni kbira lejh, għax dak tal-impossibbli wkoll. Imma tkun veru qed titlob għall-impossibbli jekk ma studjatx u qed tippretendi tgħaddi mill-eżami. Allura nixegħlu xemgħa u n-nanna tagħmel il-fjuri lid-Duluri biex jgħaddi mill-eżami. Imma jekk dan ma studjax irid ikun veru tal-impossibbli l-qaddis biex jgħaddik jew l-eżaminatur ma jkunx qed jara ċar. U Ġesù qed jipprova jippurifikana minn dir-reliġjon tat-tpartit. Inti tgħix ħajja tajba għax dil-ħajja tajba, tagħmlek tassew kuntent u nies. Għax hi r-rieda ta’ Alla.

Aħna fl-ewwel qari llum smajna s-silta mill-Eżodu li tagħtina l-10 kelmiet, l-10 kmandamenti. Imma nnutaw li fil-bidu tal-qari Alla jippreżenta lilu nifsu bħal dak li jagħtina l-ħelsien. Alla tkellem u qal dan lill-poplu: “Jiena l-Mulej Alla tiegħek li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar” (Eż 20:1). Mela jien hu Alla li tajtek il-ħelsien. Jekk tobdini se tkun ħieles, se tkun ħielsa tassew. Affarik, għax Alla li qed jagħtik il-ħelsien tak ukoll il-libertà tgħdlu ‘iva’ u tgħidlu ‘le’. U Ġesù meta jirrabja l-kelma li tintuża fl-Evanġelju ta’ San Ġwann hi: “Il-ħeġġa għal darek fnitni” (Ġw 2:17). Ġesù jinfena għad-dar ta’ Alla, għalina bħala l-poplu tiegħu, sa fuq is-salib infena. Kemm hu qawwi dan il-verb bil-Malti: “Il-ħeġġa għal darek fnitni.”

Ejjew nitolbu lil Alla l-grazzja li f’dan ir-Randan insaffu r-reliġjon tagħna billi nisimgħu l-kelma tiegħu u nersqu lejh bħala l-għajn tal-ħniena imma li bil-verità tiegħu jagħtina l-ħelsien.

Aħna fl-aħħar ta’ dan ix-xahar se niċċelebraw il-Mulej imsallab u rxuxtat imma nifhmu li aħna kissirna t-tempju ta’ ġismu u Alla reġa’ bnieh, reġa’ qajmu fi tlitt ijiem. Għax meta jgħidilhom: “Farrku dan it-tempju u jiena nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem” (Ġw 2:19) kien qed jgħid għal ġismu, għall-ġisem li aħna kissirna fil-passjoni tiegħu u fuq is-salib, u l-Mulej tahulna lura ħaj irxoxt fil-misteru tal-Għid.

Aħna dan Alla tagħna. Allura lill-Mulej nitolbuh biex iħenn għalina, jikkalma ftit, ma jirrabjax ħafna imma jgħallimna biex meta nħarsu lejh mhux ninnegozjaw imma ngħidulu: “ikun dak li trid inti kif fis-sema hekkda fl-art”. Hu stess għallimna nitolbu għall-ħobżna ta’ kuljum: “ħobżna ta’ kuljum agħtina”. Qalilna biex nitolbuh l-bżonnijiet tagħna, mela le, imma mhux bit-tpartit. Se jieħu ħsiebek. Inti qiegħed u qiegħda f’idejn tajba. Inti tgħix ħajja tajba għax Alla se jagħtik il-premju jew tagħmel xi ħaġa biex jaqdik? Dak inkella tkun qed tniżżlu lil Alla mid-dinjità tiegħu. Ġesù llum qed jinsisti fuq id-dinjità kbira ta’ Alla u d-dinjità tiegħi għax meta nbigħ lili nnifsi nintrema. Imma jekk nintelaq f’idejh insib id-dinjità vera tiegħi.

U hekk nitolbuh li dan ir-Randan ikun għalina ta’ tisfija, ta’ purifikazzjoni. Allura l-kelma li Ġesù qal lin-nies ta’ żmienu, mingħajr ma noqogħdu nitkażaw bihom, tgħodd għalina. Ejjew nitolbuh il-grazzja f’dan ir-Randan li nsaffu r-reliġjon tagħna billi nisimgħu l-kelma tiegħu u nersqu lejh bħala l-għajn tal-ħniena imma li bil-verità tiegħu se jagħtina l-ħelsien.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 20:1-17
Salm: 18 (19):8,9,10,11
Qari II: 1 Kor 1:22-25
L-Evanġelju: Ġw 2:13-25

Aktar ritratti