L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-anġli u anke Ġesù l-ġardinar fid-djalogu tagħhom ma’ Marija ta’ Magdala jsejħulha sempliċement ‘mara’. U jagħmlulha din il-mistoqsija, kemm l-anġli u kemm Ġesù l-ġardinar: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?” (Ġw 20:13,15).

Id-domanda hija domanda ironika. L-anġli u Ġesù l-ġardinar jafu r-risposta, jafu li qiegħda tibki l-mewt ta’ Ġesù. U issa trawma oħra: il-fatt li l-katavru ta’ Ġesù m’għadhux fil-qabar. Fil-fatt lill-anġli tgħidilhom: “Ħadu lil Sidi u ma nafux fejn qegħduh” (Ġw 20:13). Lil Ġesù l-ġardinar tgħidlu: “Jekk ħadtu inti minn hawn, għidli fejn qegħedtu u jien nġibu lura” (Ġw:20:15). L-interess tagħha hija fil-katavru ta’ Ġesù. Ma tistax tifhem li l-kliem tal-Mulej f’dan il-mument straordinajru seta’ tassew iseħħ.

Imma malli tisma’ l-isem tagħha, tagħraf lill-Mulej. Ġesù, li sa dak il-ħin għaliha kien il-ġardinar, isejħilha b’isimha: “Marjam” […] “Rabbuni, jiġifieri mgħallem” (Ġw 20:16). L-istint tagħha hija li tħaddnu u Ġesù jgħidilha: “La tmissnix għax għadni ma tlajtx għand il-Missier” Imbagħad jgħidilha kliem tant għeżież għalina: “Mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom” (Ġw 20:17). Jgħidilna ‘ħuti’. Hu kien qed jgħidilha biex tindirizza lid-dixxipli, lill-appostli li fil-maġġorparti tagħhom kienu abbandunawh u telquh. Isejħilna ħutu.

Kien diġà ħafrilna fuq is-salib b’dawk il-kelmiet għeżież: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ma kienx biss qiegħed jgħid għal min sallbu imma anke għal min telqu, għal min abbandunah. “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Kien jifhem ukoll il-biża’ kemm jagħmel affarijiet koroh fuq il-qalb u l-moħħ tal-bniedem. Imma jsejħilna ‘ħutu’ għaliex bil-mewt u l-qawmien tiegħu rrikonċiljana bejnietna u mal-Missier.

“Se nitla’ għand Missieri u Missierkom” (Ġw 20:37). Ma jgħidx ‘Missierna’ għax Alla l-Missier m’għandux l-istess paternità tagħna kif għandu ta’ Ġesù. Ġesù huwa l-Iben imnissel minn dejjem; aħna wlied addottivi. Il-paternità ta’ Alla fuqna hija differenti minn dik il-paternità li għandu fuq Ġesù “Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom”.

Ejjew f’dan il-jum kbir li huwa ta’ sebat ijiem, f’din l-ottava tal-Għid nitolbu li Missier Ġesù jkun Missierna, Alla ta’ Ġesù jkun Alla tagħna. U ejjew nilqgħu l-aħbar ta’ din il-mara magħżula biex tkun l-evanġelista tal-qawmien: dik li twassal l-aħbar it-tajba tal-qawmien: “Rajt lill-Mulej” (Ġw 20:18).

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 36-41
Salm: 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22
Evanġelju: Ġw 20, 11-18