L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

F’dan is-Sibt tar-Randan Ġesù jagħtina waħda forsi mill-isbaħ parabboli li jaqsam magħna mill-Kapitlu 15 ta’ San Luqa.

Jiena nixtieq nislet riflessjoni qasira fuq kif il-missier jiddeskrivi dak li jagħmel l-iben iż-żgħir. “Kien mitluf u nstab, kien mejjet u reġa’ qam” (Lq 15:32). Għall-missier it-tifel iż-żgħir li xtaq jaqsam il-ġid u jieħu sehmu, li ġeneralment kienet issir meta jmut il-missier, jiġifieri bil-pulit qallu: ‘jiena nixtieqek mejjet biex inkun nista’ nirtek, ħa nieħu sehmi’. U l-missier ċeda, tah sehmu, aċċetta li t-tifel iż-żgħir xtaq li missieru jkun mejjet. Imma mhux il-missier miet, l-iben iż-żgħir iddeċieda jitlaq mingħand missieru u jmut minn ġewwa. U l-missier jaf dan, kien mejjet imma reġa’ qam. L-iben iż-żgħir li mingħalih se jsib kollox, tilef mhux biss lil missieru u lil ħuh imma lilu nifsu: “kien nitluf u nstab”.

Nitgħallmu minnu x’jiġifieri jkollok qalb ħanina, li min jixtieqek mejjet tibqa’ tfittxu u tistennieh u meta tarah ġej tmur tilqgħu, tgħannqu miegħek

U r-rikonċiljazzjoni mal-missier hija propju din: dak li kien mejjet qam, dak li kien mitluf instab. Imma l-missier ma kellux biss l-iben iż-żgħir. Kellu wkoll l-iben il-kbir li ma setax jifhem il-qalb tal-missier. U l-missier irid jgħallem ukoll lill-iben il-kbir x’jiġifieri tkun missier. U jgħidlu: “Ibni, inti dejjem miegħi, kulma hu tiegħi huwa tiegħek” (Lq 15:31). Il-missier ma jridx biss jagħti lill-iben il-kbir dak li għandu ta’ ġid ta’ din id-dinja, imma jrid ukoll jagħtih qalbu. U allura jgħallmu li kien hemm bżonn li jagħmlu festa u jifirħu fir-ritorn tal-iben iż-żgħir. U hekk il-missier b’paċenzja kbira jgħallem lill-iben il-kbir x’jiġifieri jkun miegħu tassew u x’jiġifieri li kulma hu tal-missier huwa tiegħu. Irid jgħidlu: ‘Inti jrid ikollok ukoll l-qalb tiegħi mhux biss il-ġid tiegħi, mhux biss ir-responsabbiltà u forsi l-unuri li għandi, imma l-ikbar teżor li se nafdalek huwa qalbi. Tgħallem minni kif tkun missier’.

U għalhekk Ġesù stess meta jgħallimna naħfru, jgħallimna wkoll nitolbu maħfra: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Jalla aħna u nitolbu maħfra ’l Mulej nitolbuh ukoll il-grazzja li jkollna l-qalb tiegħu, il-qalb ta’ missier għal xulxin. Aħna li miegħu, aħna li kulma hu tiegħu huwa tagħna, nitgħallmu minnu x’jiġifieri jkollok qalb ħanina, li min jixtieqek mejjet tibqa’ tfittxu u tistennieh u meta tarah ġej tmur tilqgħu, tgħannqu miegħek għax huwa ibnek li “kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”.

Insellem lil kull min qiegħed isegwina permezz ta’ TVM2 u l-mezzi l-oħra tax-xandir. Nitolbu ħafna biex ilkoll niġbdu ħabel wieħed għall-ġid komuni u għall-protezzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna b’mod speċjali l-iżjed vulnerabbli.

Issa nafdaw lil pajjiżna f’riġlejn Sidtna Marija.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mikea 7, 14-15.18-20
Salm: 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12
Evanġelju: Lq 15, 1-3.11-32