L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’din is-silta mill-kapitlu 10 tal-Evanġelju skont San Mattew, Ġesù jagħtina kliem li fil-widnejn tagħna jista’ jinstema’ pjuttost iebes meta Ġesù jippreżentalna l-imħabbiet l-iżjed qawwija tagħna: l-imħabba lejn il-missier u l-omm, l-imħabba lejn l-ulied u jgħidilna li l-imħabba lejh tpoġġi kollox f’dawl ġdid.
Mhux bilfors niċħdu lil ommna u ’l missierna jew il-ġenituri jiċħdu lil uliedhom. U għalina tiġi d-domanda: imma Ġesù għalfejn qiegħed jgħidu dan id-diskors? U dan il-kliem il-komunità Nisranija tal-bidu, għaliex ftakritu u nkiteb dan il-kliem ta’ Ġesù? Għax kif tafu mhux kollox inkiteb. L-Evanġelji nkitbu f’mument meta l-ewwel Insara kienu għaddejjin minn persekuzzjonijiet kbar kemm fil-kuntest tar-reliġjon Lhudija kif ukoll fil-kuntest tal-Imperu Ruman. Uħud minnhom biex jagħżlu lil Ġesù wara li ltaqgħu miegħu ta’ adulti, kellhom jaghmlu għażliet ta’ qsim il-qalb. Il-missier qed jgħidlek: ‘jekk inti timxi wara Ġesù, jiena niċħdek’. Jekk uliedek jimxu wara Ġesù, jirrapurtawk u forsi jaqtugħielek għall-mewt. Kienu sitwazzjonijiet ibsin ħafna.
U min iltaqa’ ma’ Ġesù u sar jafu, kellu jagħmel għażliet diffiċli ħafna. Uħud minna forsi l-Mulej ikollu jistaqsihom din it-tip ta’ fedeltà. Imma meta tiltaqa’ ma’ Ġesù l-ħajja tieħu togħma tant differenti li dak li qed jitolbok, jagħmel sens għalkemm jaf ikun diffiċli ħafna. Irridu naħsbu f’tant nies li biex ma jiċħdux lil Ġesù kellhom jiċħdu l-għeżeż imħabbiet li kellhom. Meta tgħidha titkexkex kważi.
Imma nqisu lill-Appostlu Missierna San Pawl, pereżempju. Hawnhekk fil-parroċċa tar-Rabat ftit jiem oħra tiġi ċċelebrata l-festa tal-martirju tiegħu. Imma l-Appostlu Missierna bi qsim il-qalb jinfatam mill-poplu tiegħu, mit-tradizzjonijiet li trabba fihom biex ma jiċħadx lil Kristu.
“Jien inqis li ħdejn Kristu kollox huwa frugħa” u jagħmel għażliet li għalih kienu jfissru qsim il-qalb, dmugħ u anke persekuzzjoni. U wieħed jgħid: imma dan it-taħbit kollu ta’ min jgħaddi minnu? Jiddependi ħafna mill-esperjenza li jkollna ta’ Ġesù. Jekk jiena meħud mill-imħabba tiegħu għax fih rajt l-Iben ta’ Alla li jaħfirli, jagħdirni, iħobbni, li ta ħajtu għalija, allura l-ħaġa tieħu togħma differenti. Wara kollox Ġesù mhux qed jitlobni xi ħaġa li qabel ma għamilhiex hu. “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux ikun miegħi”. Hu refa’ salibu. L-espressjoni li juża hija qawwija ħafna b’mod speċjali fiż-żmien li fiha qalha din il-kelma li inti terfa’ salibek, is-salib kien l-iżjed kundanna ħarxa. U kien qed javżahom lid-dixxipli tiegħu li jista’ jkun li jkollhom iħallsu prezz għoli ħafna.
Mil-lejla stess nibdew niċċelebraw dawn iż-żewġ appostli kbar Pietru u Pawlu li spiċċaw mietu biex ma jiċħdux lil Ġesù. Pietru veru kellu l-esperjenza li jgħaddi miċ-ċaħda ta’ Ġesù imma mbagħad ta ħajtu biex juri kemm kien iħobbu lill-Imgħallem. Wara kollox hu fuq ix-Xatt ta’ Tiberiade, tal-għadira tal-Galilea sema’ lil Ġesù jgħidlu: “Imxi warajja” u ħalla kollox u mexa warajh.
Nimmaġina li ma kinitx faċli għall-mara tiegħu, u nimmaġina li l-kunjata qalet xi kelma jew tnejn meta telaq kollox. L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù daħal id-dar ta’ Pietru, li l-kunjata kellha d-deni (jista’ jkun bil-battikata li ħadet – ma nafux) u Ġesù fejjaqha. Imbagħad qamet u bdiet isservi lill-Imgħallem. Skopriet min hu Ġesù imma skopriet ukoll li d-deċiżjoni ta’ Pietru, ta’ Xmun – Ġesù sejjaħlu Pietru – ta’ Xmun is-sajjied kienet deċiżjoni iebsa imma kienet ukoll deċiżjoni tajba. Hi mfejqa tqum u sservi lill-Imgħallem li min jaf kemm kienet gergret kontrih. Ġesù jaf ukoll iħallas imma qed javżana, ma jiddejjaqx bil-ħlas. Qed javżana biex inħobbuh u nħallu f’idejh.
It-tieni sfida li qed jagħmel lilna llum inħoss li hija qawwija ħafna meta Ġesù jitkellem fuq l-akkoljenza, li nilqgħu lil xulxin. “Min jilqa’ l-profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu. Min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10:41-42).
Ejjew niftakru x’ġara hawnhekk fejn qegħdin, kważi 2000 sena ilu, meta aħna l-Maltin ilqajna 276 persuna li kienu nawfragati fuq ix-xtut tagħna mhux ’il bogħod minn hawn. Fosthom kien hemm priġunier jismu Pawlu jew Sawlu ta’ Tarsu. Aħna lqajnieh. Kien profeta ta’ Ġesù, kien bniedem li sar ġust bil-fiduċja tiegħu f’Ġesù. Ma tajniehx biss tazza ilma friska lil Pawlu, ilqajnieh fostna lilu u ’l sħabu għal tliet xhur. Publiju laqagħhom għandu għal tlett ijiem u l-ħlas li tana kien li laqqagħna ma’ Ġesù. Mhux biss fejjaq il-morda tagħna imma laqqagħna ma’ Ġesù.
Kif jgħid Dun Karm, il-poeta nazzjonali fl-Innu Malti: “il-Mulej libbisna bl-oħla dawl” bid-dawl l-iżjed ħelu li huwa d-dawl tal-Evanġelju. Imma aħna ftaħnielu l-bieb, ftaħnielu l-bieb ta’ qalbna u l-Mulej berikna. U din it-tradizzjoni hemm bżonn inkompluha, l-aħwa, anke jekk is-sitwazzjonijiet ikunu diffiċli ħafna. Għandna dritt nitolbu li ma nitħallewx weħidna fl-ebda ċirkustanza, imma d-dover tagħna nagħmluh. Ejjew nitolbu l-grazzja llum biex dawn il-kliem ta’ Ġesù li jinstemgħu ibsin għal qalbna anke għal moħħna ma jfixkluniex li l-kelma ta’ Ġesù fil-qalb tagħna tagħmel il-frott.
Jiena nixtieq nieħu l-opportunità biex nifraħ lill-parroċċa tar-Rabat. L-ewwel nett nirringrazzja lill-arċipriet, lill-viċi, lis-saċerdoti talli laqgħuni fix-xahar ta’ Ġunju f’din l-Ewkaristija tan-nhar ta’ Ħadd. Nistieden lill-poplu biex jerġa’ jirritorna fil-knejjes tiegħu waqt li nirrispettaw l-indikazzjonijiet tal-Awtorità tas-Saħħa.
Imma llum nixtieq nifrah magħkom ukoll għad-don sabiħ li qed tagħtu ta’ saċerdot ġdid. Ħdejja hawnhekk hawn djaknu Christopher Bugeja mir-Rabat, li għada fil-għaxija jiena se nordna saċerdot. Għada se jkollna għaxar saċerdoti ġodda, rigal sabiħ. Naturalment hemm ħafna familji, kellna nagħżlu l-ikbar knisja li għandna Kristu Re, Raħal Ġdid imma jiena nixtieq nirringrazzja lill-komunità tar-Rabat, lil-familja tiegħek ukoll, Fr Chris – insomma għada ngħidulek Father – ta’ dan id-don sabiħ u nitolbu għall-vokazzjoniet.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 4, 8-11.14-16a
Salm: 88 (89), 2-3.16-17.18-19
Qari II: Rum 6, 3-4.8-11
Evanġelju: Mt 10, 37-42