Families in Croatia

Il-vjaġġ tal-Papa Benedittu XVI lejn Zagreb fil-Kroazja bejn l-4 u l-5 ta’ Ġunju li ġej se tkun qed tiffoka fuq il-familja, lejn binja ta’ komunita b’valuri nsara. F’dan id-dsatax il-vjaġġ Papali, it-tlettax-il wieħed fl-Ewropa, Benedittu XVI, li għandu 84 sena, se jkun qed jissottolinea l-importanza li dejjem jaċċenna għaliha għall-għarfien tal-għeruq insara tal-Ewropa. Anki jekk il-Kroazja hi pajjiż fil-maġġoranza tiegħu kattoliku, hija għaddiet minn esperjenzi li kienu ta’ test għall-fidi tan-nazzjon, fost l-oħrajn iż-żewġ gwerer dinjija, l-invażjoni tan-Nażi u t-tmexxija komunista tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Yugoslavja.

Fi kliem il-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Kroazja, illum it-theddid jissokta, pero taħt forom differenti. “Il-Kroazja mhix gżira u sadattant, qed tiffaċċja l-isfidi kollha li jipprevalu fil-pajjiżi tal-Punent”. L-ewwel u qabel kollox issemma s-sekulariżmu rampanti, li bl-appoġġ tal-ftit promuturi tiegħu, li pero sabu l-appoġġ vast tal-mezzi tal-istampa u x-xandir, donnu qed ibiddel is-sura tal-elementi tal-identita kattolika tradizzjonali.

L-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Knisja fil-Kroazja jinkludu l-liġi deskritta ferm liberali li tirregola l-abort u l-miżuri proposti biex tkun legalizzata l-adozzjoni minn koppji tal-istess sess, anki biex jitqanqlu mill-ġdid dibattiti dwar l-ewtanasja.