Fl-okkażjoni tal-mitt ħarġa tal-magażin ‘Flimkien’, mal-ħarġa ta’ Marzu qed titqassam CD bl-isem ‘Għinni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi’. Din il-produzzjoni saret ukoll fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi u bħala għajnuna prattika għal matul ir-Randan. Is-CD fiha 16-il silta mill-Evanġelu ta’ San Mark bi ħsieb qasir wara kull waħda. Fil-ħarġa ta’ Marzu hemm ukoll suġġerimenti dwar kif tista’ tintuża s-CD fit-talb personali.
Il-muntaġġ u r-recording tas-CD sar mill-Media Centre. It-traduzzjoni tal-Evanġelu hija tal-Għaqda Biblika Maltija. Il-mużika hi meħuda mis-CD ‘Icons’ miktuba minn Margaret Rizza u użata bil-permess ta’ Kevin Mayhew Publishers.
L-ewwel numru tal-magażin ‘Flimkien’ kien ħareġ f’Diċembru 2004, u baqa’ joħroġ kull xahar sal-lum. ‘Flimkien’ hu maħruġ mill-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Malta u jitqassam f’124,000 dar. L-iskop tal-magażin huwa li jwassal lill-familji Maltin il-valuri pożittivi umani u Nsara, b’mod attraenti u aċċessibbli għal kulħadd.
Flimkien huwa disponibbli mhux biss f’verżjoni stampata imma wkoll online fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi www.maltadiocese.org. Verżjoni awdjo tal-ħarġa ta’ kull xahar tinstab fuq CD li tinkiseb mingħand il-kappillani tal-parroċċi jew tista’ tinstema’ tinqara fuq il-websajt ta’ radju RTK. Minn din il-ħarġa ’l quddiem, se tkun disponibbli wkoll b’tipi kbar għal min għandu diffikultà biex jaqra. Din ukoll tinkiseb mingħand il-kappillan tal-post.
Il-Bord Editorjali u l-Kulleġġ tal-Kappillani jirringrazzjaw lill-kittieba kollha, il-qarrejja, il-graphic designers, l-istampaturi, id-distributuri fil-parroċċi u kull min b’xi mod ta s-sehem tiegħu fl-ewwel mitt edizzjoni. Jirringrazzjaw ukoll lil kull min irriklama fuq il-magażin, għax mingħajrhom ma kienx ikun possibbli li dan il-proġett jasal sa hawn illum.
Il-Board Editorjali u l-Kulleġġ tal-Kappillani huma impenjati li jagħmlu ħilithom kollha biex il-magażin jibqa’ jkun dejjem aktar ta’ għajnuna għat-tixrid tal-valuri tajbin, kemm Insara kif ukoll umani.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]