Pope with Roman clergy

Il-Papa Benedittu XVI iltaqa’ mal-kleru ta’ Ruma, akkumpanjati mill-Vigarju Ġenerali u l-isqfijiet awżiljarji tad-djoċesi li lkoll laqgħuh b’apprezzament kbir għall-affett u l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja u s-sede ta’ Pietru.

Min-naħa tiegħu, il-Papa qal li kien biss rigal speċjali ta’ providenza li qabel ma jħalli s-sede ta’ Pietru kellu jiltaqa’ mill-ġdid magħhom ilkoll. Żied kemm hu ta’ sodisfazzjon għalih li jara l-Knisja ta’ Ruma ħajja, bi kleru tassew kattoliku u universali- għal kulħadd, irrispettivament mill-kultura u r-razza.

“Ipprofesajtu l-kredu fuq il-qabar ta’ Pietru – xi ħaġa verament f’postha aħna u niċċelebraw is-Sena tal-Fidi, xi ħaġa meħtieġa, speċjalment meta wieħed jiftakar li kien Kristu stess li fada f’idejn Pietru t-tmexxija tal-Knisja kollha. Il-Knisja ta’ Kristu tikber, flimkien ma’ Pietru, tistqarr u timxi wara Kristu. Dan hu li dejjem nagħmlu. Ninsab ferm grat lejkom, għat-talb tagħkom. Anki issa li se nirtira, inwiegħdkom li nibqa’ qribkom bit-talb, kif naf ċert li tkunu qribi l-istess, anki jekk se nkun moħbi mid-dinja”, temm jgħid il-Papa.