Din il-poddata teħodna fil-kor tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, il-post li jqanqal f’Dun Bernard Micallef ħafna nostalġija mit-tfulija u li minn hemmhekk beda t-triq lejn is-saċerdozju. Fr Bernard, it-tielet wild minn sitta, jirrakkonta kif l-esperjenzi sbieħ tiegħu mal-abbatini, fil-MUSEUM u fiż-ŻAK huma l-għeruq li sawruh fil-bniedem li hu llum. Anke jekk minn età żgħira ħass is-sejħa lejn is-saċerdozju, il-ħajja għaddietu minn diversi esperjenzi qabel id-dħul fis-seminarju. Segwi l-istorja ta’ Fr Bernard , mżewqa b’passjoni kbira f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport, mal-ġustizzja soċjali, u fuq kollox, mal-espressjoni tal-fidi tiegħu.
Għaliex iva?! huwa serje ta’ podcasts ma’ saċerdoti differenti fejn jirrakkuntaw l-istorja tal-vokazzjoni tagħhom u għaliex jaħsbu li hu worth it li tkun qassis fid-dinja tal-lum.
L-għan tal-podcast huwa li bl-esperjenzi ta’ kif skoprew is-sejħa tagħhom u l-isfidi u l-opportunitajiet li jiltaqgħu magħhom, is-saċerdoti jgħinu lil ħaddieħor jara s-sbuħija tas-sejħa ta’ Alla.
Dawn it-taħdidiet huma wkoll sinjal ta’ tama għal dawk li għadhom qed jaħsbu jgħidux ‘iva’ lil Alla, kif ukoll għal dawk li diġà huma saċerdoti, kemm żgħar kif ukoll kbar fl-età.
Għaliex iva?! hu proġett taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju f’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta.