Il-President ta’ Caritas Internationalis iddikjara li l-ebda tifel jew tifla m’għandhom ibatu għax ikunu twieldu f’pajjiż b’rata għolja ta’ AIDS u b’sistema medika fqira. Din id-dikjarazzjoni saret hekk kif l-aġenzija Kattolika ta’ għajnuna qed iddawwar ħarsitha lejn il-Jum Dinji tal-AIDS u tiffoka fuq it-tfal. Il-Jum Dinji tal-AIDS jitfakkar fl-1 ta’ Diċembru u dis-sena għandu t-tema “Aċċess Universali u Drittijiet Umani”.

Il-Kardinal Oscar Rodriguez Maradiaga, President tal-Aġenzija, qed jappella għal azzjoni immedjata biex isseħħ prevenzjoni mill-mewt tat-tfal bl-ĦIV fil-pajjiżi l-fqar.

“Huwa dritt bażiku li t-tfal jikbru u jsiru adulti. Sadattant nofs it-tfal bl-ĦIV imutu qabel ikunu biss għalqu sentejn minħabba li jgħixu f’pajjiżi fqar fejn l-aċċess għall-kura adekwata hu ferm limitat. Għal ħafna, il-wegħda ta’ aċċess universali qed tasal tard”, ilmenta l-Kardinal.

Fi kliemu, “tard wisq għal nies bħal dik l-omm fl-Afrika t’Isfel li binha miet meta kienet qed iġġorru fuq daharha sal-isptar għall-kura ta’ mard relatat mal-AIDS. Din l-omm issa qed tingħata għajnuna mill-Caritas, minkejja l-uġigħ tat-telfa ta’ tliet ulied minħabba nuqqas ta’ kura adekwata u fil-ħin għall-AIDS”, qal il-Kardinal Rodriguez Maradiaga.

Il-President tal-Caritas appella għas-sapporttal-Aġenzija HAART – Highly Active Anti-Retroviral Therapy – terminu li jingħata għat-trattament tal-AIDS.

Sa żewġ miljun tifel u tifla taħt l-eta ta’ 15-il sena qed jgħixu bil-virus tal-ĦIV. Madwar 15-il miljun tifel u tifla taħt it-18-il sena jirriżulta li tilfu lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom jew lit-tnejn minħabba mard relatat mal-AIDS.