L-Arċidjoċesi ta’ Malta nhar il-Ħadd li għadda ċċelebrat għall-ewwel darba ‘Jum is-Saċerdot’. Għal dan il-għan, ħsibt li naqsam l-esperjenza tiegħi magħkom, qarrejja ta’ dan il-ġurnal.
Illum, lili ħafna nies jassoċjawni mal-Caritas u bir-raġun għax jiena ili naħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 34 sena. Din il-ħidma m’għażiltix jien, imma nemmen li għażilha Alla għalija permezz tas-superjur tiegħi. Ix-xogħol tiegħi fil-Caritas hu għal qalbi ħafna għax jiena dejjem ħassejtha parti ntegrali mill-vokazzjoni tiegħi li nkun viċin dawk li huma l-aktar fil-bżonn; il-foqra. Nemmen li dak li tagħmel mal-fqar tkun qed tagħmlu ma’ Gesù nnfissu. Fil-fatt il-motto li kont għażilt għal Caritas lura fl-1977 kien il-kliem ta’ Ġesù “dak li tagħmlu ma’ l-iżgħar minn fost dawn ħuti, tkunu għamiltuh miegħi”. (Mt 25:40)
Inħoss li dakinhar stess tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, fis-17 ta’ Marzu 1956, il-Mulej urini li jrid minni li nieħu ħsieb il-fqar. Tistgħu taħsbu x’ferħ kien hemm fil-familja tiegħi dakinhar li sirt qassis. Niftakar li ommi għamlet minn kollox biex tħejji mejda mill-aħjar ħalli meta nerġgħu lura d-dar mill-KonKatidral ta’ San Ġwann inkunu nistgħu niċċelebraw dan il-jum hekk għażiż għalina lkoll b’ikla flimkien bħala familja.
Din il-ġrajja għadha stampata f’moħħi u f’qalbi. Mhux tant tal-ikla ta’ ommi imma ta’ dak li ġara dakinhar. Konna noqgħodu ż-Żejtun, fejn konna morna minħabba l-gwerra, għax jien twelidt u trabbejt Bormla. Kif konna ser inpoġġu biex nieklu, tinstema taħbita fuq il-bieb ta’ barra. Kienet mara żgħażugħa li ġiet tfittex saċerdot biex jassisti lil missierha li kien qed imut. Tlaqt bil-ġirja warajha. Hi tiġri quddiem u jien niġri warajha attent li ma nitfixkilx fis-suttana, sakemm wasalna f’dar fqira fi sqaq fejn kien hemm il-marid. Bqajt mal-marid kemm kien hemm bżonn u nista’ ngħid li l-festa li ppreparat ommi sfrattajtilha. Il-Mulej kien ħejjieli festa isbaħ bħala saċerdot tiegħu. Fhimt li dan kien messaġġ li jrid jgħaddili Alla propju f’jum l-ordinazzjoni tiegħi: “Irridek tkun lest li titlaq kollox biex tieħu ħsieb lill-fqar tiegħi”.
Il-messaġġ kien ċar, imma għall-ewwel ma ħdimtx direttament mal-fqar, għax l-Arċisqof Gonzi sejjaħli u qalli li għandu bżonni s-Seminarju. Qabel kien diġà tani l-permess biex inkompli l-istudji tiegħi fl-Università ta’ Oxford fil-qasam tal-ekonomija. Jien obdejt u mort is-Seminarju bħala viċi rettur, għaliex fhimt li bħala saċerdot ma tistax taqdi ‘l Alla u tkun mifrud mill-Knisja tiegħu. Qdejt fis-Seminarju tal-Arċisqof bejn l-1956 u l-1977. Dan sakemm urejt ix-xewqa lill-Arċisqof li jien dispost li nservi lill-Knisja f’xi qasam ieħor. L-Arċisqof Gonzi insista li jien nibqa’ Rettur tas-Seminarju. Ftit wara sar Arċisqof, Monsinjur Ġuzeppi Mercieca, u urejtu l-istess xewqa tiegħi. Darba sejjaħli u offrili diversi ħidmiet biex nagħżel minnhom. Jiena għedtlu “inti l-Isqof tiegħi, għażel int u għidli x’hemm bżonn li nagħmel skont il-ħtiġijiet tad-Djoċesi”. L-Arċisqof għażel li jien inservi fil-ħidma soċjali tal-Knisja. Hawn erġajt ftakart f’dak li ġara dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi.
Dejjem ħassejt li hu dmir sagrosant tas-saċerdot li jgħix u jwassal il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija. Il-predikazzjoni dejjem ħadtha b’serjetà kbira. Għadni sallum, wara 56 sena saċerdot, nippreokkupa ruħi ħafna meta niġi biex nagħmel xi priedka, imqar l-omelija tal-Quddiesa tal-Ħadd. Niddedika ħafna ħin fil-preparazzjoni għax inħoss li rrid nsib l-aqwa mod biex il-Kelma ta’ Alla tasal kif tassew hi bħala l-Kelma tiegħu u mhux tiegħi. Minħabba f’hekk minn mindu sirt saċerdot dejjem ħallejt ħin f’ħajti biex nisma’ n-nies bil-problemi u d-diffikultajiet tagħhom, għaliex il-Kelma t’ Alla trid tkun dawl għal dak li n-nies ikunu għaddejjin minnu. Il-Kelma t’Alla hi bxara tajba li tagħmel kurraġġ u tnissel it-tama f’dawk li jisimgħuha speċjalment meta jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċċli. Naħseb li meta nieqaf nisma’ lin-nies, nieqaf nippriedka. Sallum il-ġurnata, l-Quddiesa wkoll hija mument importanti f’ħajti, li jnissel fija devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija. Wara daż-żmien kollu għadni niċċelebra l-quddiesa qisa l-ewwel waħda tiegħi.
Kif in-nies iħarsu lejn is-saċerdot illum hu ferm differenti minn dak ta’ 50 sena ilu. Dari, is-saċerdot kien meqjum bħala l-ministru t’Alla u n-nies kienet tisimgħu u tagħmel dak li jgħid sempliċiment għax qalu s-saċerdot. Illum mhux hekk, in-nies ma jħarsux lejn is-saċerdozju imma lejn is-saċerdot. Jagħmlu differenza bejn saċerdot u ieħor u jfittxu lil dak li jagħmel omelija tajba, lil dak li jħossu li hu viċin t’Alla. Il-poplu tagħna għadu jħobbu lis-saċerdot u għadu jfittxu biex jisma’ minn għadnu l-Kelma t’Alla Il għadha sallum teħles lill-bnidem minn kull jasar. Għall-grazzja t’Alla l-Knisja f’Malta toffri ħafna minn dawn is-saċerdoti li jgħinu lill-Insara jaqtgħu dan l-għatx għall-Kelma t’Alla.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex insellem lill-Isqof Mons. Annetto Depasquale, eżempju mill-isbaħ ta’ saċerdot qaddis.
Mons. Victor Grech
Delegat tal-Arċisqof u Direttur tal-Caritas
Dan l-artiklu ġie ppublikat fit-Torċa tal-Ħadd 4 ta’ Diċembru 2011