Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

10 ta’ Diċembru 2011

Bonġu lil kulħadd,

Qed nieħu gost li din il-konferenza ġiet organizzata mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent partikolarment għaliex xi kultant ikollna l-kunċett li lil Alla l-Imbierek jinteressah biss minn dak li jiġri wara din il-ħajja. Iżda nafu li Alla, li ħalaq id-dinja, jinteressah li d-dinja timxi ’l quddiem għall-ġid tal-bniedem.

Xtaqt naqsam magħkom riflessjoni dwar dik li għandha tkun il-motivazzjoni ta’ fidi li timbutta lin-Nisrani li jħares lejn l-ambjent u lejn id-dinja b’mod differenti. L-ewwel żewġ kapitli tal-Ġenesi, fejn naqraw l-istorja tal-ħolqien, juruna li:

  1. Id-dinja hija don mingħand Alla. Għalhekk meta bniedem ta’ fidi jikkunsidra d-dinja u l-ħolqien bħala don, ir-responsabbiltà tiegħu tkun ikbar għaliex jaf li rċevihom u għalhekk huwa wkoll responsabbli tagħhom.
  2. Il-kunċett tal-ħolqien skont il-Ġenesi mhuwiex limitat għal Alla u l-ħolqien biss, imma huwa Alla mgħejun mill-bniedem li flimkien iridu jmexxu l-ħolqien. U għalhekk dan ipoġġi responsabbiltà kbira fuq il-bniedem li jara li l-ħolqien huwa jmexxih flimkien ma’ Alla skont dak li huwa tajjeb.
  3. Alla l-Imbierek ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu. F’dan il-kuntest din ninterpretaha bħala xbieha tal-ħsibijiet ta’ Alla l-imbierek fuq il-ħolqien. U allura n-Nisrani għandu jaħseb f’dak li jagħmel Alla l-imbierek u jipprova jimxi fuq dawk il-ħsibijiet li għandhom iservu ta’ motivazzjoni biex ipoġġihom fil-prattika.
  4. Alla ħalaq din id-dinja u l-ambjent kollu għall-bniedem. Dan jurina li l-qofol tal-ambjent mhux hu fih innifsu imma qiegħed hemm biex ikun ta’ servizz.

Illum nitkellmu fuq diversi forom ta’ serq. Hemm dawk li qed jistanew biss u oħrajn li jbatu biss; imma llum qed nitkellmu wkoll fuq is-serq bejn il-ġenerazzjonijiet, jiġifieri li aħna nistgħu nisirqu wkoll lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Nawgura li dan il-hsieb ikun ta’ motivazzjoni biex ma tkunx biss il-biża’ ta’ x’ser nitilfu iżda tkun ukoll ir-rispett li aħna għandna jkollna lejn id-dinja ta’ madwarna, li tispirina.

Nirringrazzja lill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja. Jalla nkunu aktar konxji u li nattwaw aktar inizjattivi li permezz tagħhom ir-riżorsi li l-Mulej tana jkunu jistgħu jservu ta’ ġid għalina u għal dawk li ġejjin warajna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta