L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek” (Mt 12:38). Din kienet it-talba li għamlu xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew illum, talba li għamlu lil Ġesù. Għall-bidu tidher qisha talba pulita – jixtiequ jaraw sinjal – imma r-reazzjoni ta’ Ġesù hija reazzjoni ħarxa, għax jgħid għalihom “nisel ħażin u infidil” (Mt 12:39).

Għaliex din ir-reazzjoni qawwija ta’ Ġesù? Ir-raġuni hi li dawn mhux sinjal wieħed kienu raw, kienu raw ħafna sinjali, u kien kollu għalxejn għalihom. Baqgħu ma emmnux. Kienu raw lil Ġesù jfejjaq. Fil-fatt, fl-istess Evanġelju skont San Mattew, ftit qabel, hemm dik il-ġrajja ta’ wieħed li kien għama u mbikkem u maħkum mix-xitan. Ġesù fejqu, u dan beda jara u jitkellem. L-Evanġelju jgħid li n-nies li kienu hemm “stagħġbu” (Mt 12:23). Imma l-Fariżej li kienu hemm ukoll u raw, qalu: dan tafu bis-saħħa ta’ min qed ikeċċi x-xjaten? “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten” (Mt 12:24). Mhux biss ma emmnux, imma qalu li dak li kien qed jagħmel kien qed jagħmlu bis-saħħa tax-xjaten. Insult ikbar minn hekk ma setgħux jagħmlulu.

Għalhekk Ġesù jgħid “nisel ħażin u infidil”. Għax dawn webbsu qalbhom. Raw u ma ridux jaċċettaw. Fil-fatt Ġesù jgħid: min għad jikkundannah lil dan in-nisel? Isemmi n-nies ta’ Ninwè li raw is-sinjal – il-predikazzjoni ta’ Ġona – u kkonvertew wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; isemmi wkoll is-Sultana tan-Nofsinhar li s-sinjal għaliha kien l-għerf ta’ Salamun, u ġiet mill-bogħod biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun. Jgħid: dawn għad jikkundannaw lil dan in-nisel (ara Mt 12:41-42).

Dan hu s-sinjal definittiv: Ġesù ħaj, Ġesù li rebaħ il-mewt. Mirakli oħra jiġru kultant, imma ma għandniex noqogħdu nfittxu l-affarijiet li huma sensazzjonali, spettakolari, qisu hemm l-aktar importanti tal-fidi tagħna

Imma Ġesù, f’din is-silta, jagħmel ukoll xbieha interessanti. Juri liema hu l-aqwa sinjal mis-sinjali kollha: iħabbar il-qawmien tiegħu mill-mewt. Dan kien għadu ma seħħx hawnhekk, imma jħabbru permezz tax-xbieha ta’ Ġona. Jgħid: kif Ġona għamel tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, u mbagħad din besqitu ’l barra fuq l-art, hekk għad jagħmel bin il-bniedem tlett ijiem u tlett iljieli fil-qalba tal-art – meta joqtluh u jidfnuh, u jqegħduh ġo qabar – imma jqum rebbieħ, jirbaħ il-mewt, Krisu Rxoxt. Dak ikun l-akbar sinjal. Hawn ma fehmuhx, għax qed iħabbar xi ħaġa li għad trid tiġi. Imma mbagħad wara li Ġesù qam mill-mewt, fil-fatt fehmu li dak kien is-sinjal definittiv li fid-dawl tiegħu jagħmlu sens is-sinjali l-oħra.

Dan hu messaġġ importanti għalina għax nafu liema hu s-sinjal definittiv. Nafu li hu l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. U Ġesù jurina kemm hu importanti li nibqgħu nħarsu lejh, Ġesù ħaj, bħala l-akbar sinjal, u li ma nfittxux jew niġru wara sinjali oħra. Kultant jiġri dan, anke fil-prattika tal-fidi tagħna: li qisna niġru wara dak li hu spettakolari, sensazzjonali, xi ħaġa li qed tagħmel ħoss, u ninsew l-akbar sinjal li hu Ġesù ħaj. Fil-fatt Ġesù ħallihulna dan is-sinjal il-kbir fl-Ewkaristija, għax fl-Ewkaristija niċċelebraw proprju lil Ġesù ħaj, Ġesù li rebaħ il-mewt. Għalhekk li qed jgħidilna Ġesù hu: orbtu qalbkom ma’ dan is-sinjal importanti; ’l hemm ħarsu, għax dan hu s-sinjal definittiv: Ġesù ħaj, Ġesù li rebaħ il-mewt. Mirakli oħra jiġru kultant, imma ma għandniex noqogħdu nfittxu l-affarijiet li huma sensazzjonali, spettakolari, qisu hemm l-aktar importanti tal-fidi tagħna.

Nitolbu lill-Mulej illum li qatt ma nwebbsu qalbna, bħalma għamlu l-kittieba u l-Fariżej, imma nilqgħu s-sinjal li hu jagħtina, Ġesù li hu ħaj, speċjalment fl-Ewkaristija li ħalllihielna biex tkun għalina l-akbar sinjal tar-rebħa tiegħu – u dejjem norbtu qalbna ma’ dak li hu l-aktar importanti, ħalli jkun hu li jmexxina f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju