L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l-għeluq tal-inkjesti djoċesani dwar il-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju 2024, fil-Knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Iċ-ċelebrazzjoni se tibda fis-6:15pm bir-rit kanoniku tal-għeluq tal-inkjesti u wara ssir quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla li se jixxandru fuq Knisja.mt u Newsbook Malta. Henry u Inez Casolani huma mudell ta’ Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ, fil-familja u fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-kawżi għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħhom infetħu fl-2015 bit-twaqqif ta’ tribunal. Matul dawn it-tmien snin instemgħu diversi xhieda u nġabret id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar il-ħajja qaddisa, il-fama tal-qdusija u l-għeġubijiet ta’ din il-koppja.
Il-qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani
Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fil-25 ta’ Novembru 1917. L-ubbidjenza, l-umiltà u l-karità kienu l-karatteristiċi ewlenin tal-karattru tiegħu. Kien jaħdem bħala draughtsman u fuq il-post tax-xogħol ħoloq ambjent miżgħud bl-ispirtu tal-Evanġelju. Dawk kollha li kienu jafuh kienu jirreferu għalih bħala “l-appostlu tal-paċi”. Matul ħajtu għadda minn ħafna qtigħ ta’ qalb u tiġrib fil-moħbi u għaqqad it-tbatijiet tiegħu mal-passjoni ta’ Ġesù. Henry Casolani kellu fejqan inspjegabbli tal-vista t’għajnejh bl-intercessjoni tal-Beata Suor Maria Adeodata Pisani. Hu miet fid-29 ta’ Diċembru 1999.
Inez Casolani twieldet Bormla fil-11 ta’ Ottubru 1915. Kienet għalliema iżda maż-żwieġ waqfet mix-xogħol u ddedikat ruħha għall-familja u għall-persuni fil-bżonn, fosthom il-morda fl-isptarijiet. Minn età ċkejkna, kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija kienet tagħmel siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija. L-ispiritwalità ta’ Inez Casolani kienet mibnija fuq erba’ dimensjonijiet: it-talb, il-qari tal-Kelma t’Alla, il-mortifikazzjoni u l-karità. Hi fieqet minn deni qawwi permezz ta’ relikwa ta’ San Ġorg Preca. Hi mietet fit-13 ta’ Lulju 1992.
Il-koppja Casolani żżewġet fl-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Huma għexu l-ħajja miżżewga ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Kellhom tifla waħda, Cecilia Mary, li fl-età ta’ 19-il sena ngħaqdet mas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Is-sena li għaddiet bdiet il-ħidma sabiex il-fdalijiet tagħhom eventwalment jiġu trasferiti fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta għall-qima tal-pubbliku.