Louisiana oil spill

Il-Kampanja Kattolika għall-iżvilupp uman, programm tal-Isqfijiet Amerikani kontra l-faqar,  qed tgħaddi $300,000 f’għotjiet b’għajnuna lill-vittmi tat-tixrid riċenti taż-żejt fil-Golf tal-Messiku.

L-inċident skatta ma’ splużjoni ta’ bir taż-żejt, li ħalliet mal-11-il persuna mejta u mas-17 midruba. Il-kumpanija taż-żejt BP kienet l-ewwel li nżammet responsabbli għal dak li qed jissejjaħ l-agħar inċident ta’ tixrid ta’ żejt fl-istorja tal-Istati Uniti tal-Amerika.  Fl-istess waqt, il-korporazzjoni mulgtinazzjonali qed toġġezzjona għal din l-akkuża. Huwa stmat li l-industrija tas-sajd se titlef mal- $2.5 biljun minħabba d-diżastru.

Il-Konferenza tal-Isqfijiet Amerikani irrappurtat li s-sotto kumitat għall-Kampanja Kattolika tal-Iżvilupp Uman approva il-fondi ta’ għajnuna lil nies bi dħul baxx u li kienu milquta mit-tixrid taż-żejt. Iċ-Ċermen tas-sotto kumitat, l-Isqof Roger Morin ta’ Biloxi f’Mississippi, afferma li “dan id-diżastru traġiku ta’ tixrid taż-żejt ġabet magħha spejjeż umani, ambjentali u ekonomiċi gravi”.

“Bħala Knisja, jiddispjaċina għat-telfien tal-ħajja u fl-istess waqt nitolbu għal dawk li ħajjithom hi mhedda. Permezz ta’ dawn l-għotjiet, il-Knisja toffri wkoll appoġġ konkret għall-ħidma meħtieġa f’għajnuna lill-komunitajiet involuti. Huwa sinjal b’saħħtu tal-missjoni essenzjali tal-Kampanja Kattolika għall-Iżvilupp Uman”.